Lokali

Jaqla’ daqqiet kbar f’rasu fi ġlieda f’Paceville

Ġlieda kbira bejn żewġ barranin wasslet biex wieħed mill-irġiel qala’ daqqiet kbar f’rasu tant li jinsab f’kundizzjoni gravi.

Il-ġlieda seħħet għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ filgħodu fi Triq Spinola, San Ġiljan.

Meta marru l-Pulizija fil-post sabu li għal xi raġuni kien żviluppa argument bejn iż-żewġ irġiel u li wieħed minnhom, Somalu ta’ 22 sena, qala daqqiet f’rasu – allegatament b’oġġett iebes.

Il-vittma ttieħed l-isptar Mater Dei fejn kien ċertifikat li qed isofri minn ġriei gravi. Filwaqt li l-allegat aggressur ġie arrestat mill-Pulizija u għadu qed jinżamm għal iktar stħarriġ.

Il-Pulizija qalu li l-investigazzjonijiet tagħhom dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.