Wara disa’ xhur sħaħ mill-wegħda tal-awtoritajiet li se tiġi riveduta l-Fuel Service Station Policy li għandna bħalissa, għadu ma sar l-ebda tibdil minn naħa tal-Gvern. Skont il-Kamp Emerġenza Ambjent u l-Moviment Graffiti, din hi xi ħaġa oxxena.
Fi stqarrija ż-żewġ ngo’s qalu li l-policy kurrenti tippermetti l-bini tal-hekk imsejħa pompi tal-petrol enormi (jew aħjar ċentri kummerċjali) fuq art naturali u agrikola immarkata bħala barra ż-żoni tal-iżvilupp (ODZ). Aħna qed nesiġu li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet pendenti kollha għal pompi tal-petrol ODZ jiġi sospiż sakemm il-policy riveduta tidħol fis-seħħ.
L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżori (ERA) ippreżentat ir-reviżjoni tagħha tal-policy f’April li għadda u issuġġeriet li l-policy m’għandhiex tħalli pompi tal-petrol ġodda jinbnew jew jiġu rilokati fuq art ODZ. Madanakollu, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA), minflok ma ħadet passi immedjati biex tibdel il-policy, waqqfet il-proċess.
Intant, l-applikazzjoni li kien hemm illum quddiem il-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar għal pompa tal-petrol ta’ 3,000m² fiż-Żejtun ġiet rifjutata. Ir-rappreżentanta tal-Oppożizzjoni fuq dan il-Bord, Marthese Portelli, ivvutat sabiex il-pompa ma ssirx.
Fil-fatt, fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kien hemm 10 voti kontra u wieħed favur. Kienet biss l-Acting Chairperson Elizabeth Ellul li vvutat favur dan il-permess, għaliex qalet li ma kienx hemm oġġezzjonijiet mill-awtoritajiet.
Ellul kienet ukoll il-persuna li stiednet liż-żgħażagħ li kienu qed jipprotestaw sabiex jidħlu u jippreżentaw l-oġġezzjonijiet tagħhom fuq dan il-permess – xi ħaġa li ma riedux jagħmlu.
//= $special ?>