Lokali

RITRATT: Salvini jallega traffikar ta’ persuni fl-ibħra Maltin bl-użu ta’ 7 speed boats

Il-Gvern Malti jirrispondi li dawn l-attivitajiet ma jaqgħux fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ

Seba’ dgħajjes żgħar mgħammra b’magni b’saħħithom, daħlu fl-ibħra Maltin b’total ta’ 62 immigrant.

Allega dan il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini, li matul dawn l-aħħar xhur kien maqbud f’botta u risposta mal-Gvern Malti dwar il-problema tal-immigrazzjoni bejn l-ibħra Maltin u dawk Taljani. F’post fuq Facebook, Matteo Salvini kiteb li dawn l-ispeed boats ta’ veloċità qawwija ma jinsabux f’diffikulta, filwaqt li stqarr li dan hu każ evidenti ta’ traffikar ta’ persuni.

Minn naħa l-oħra, fi stqarrija b’risposta għal dak li kiteb il-Ministru Taljan, il-Gvern Malti qal li dawn il-każijiet ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà taż-żona tat-tfittxija u salvataġġ, kif kien ikkonfermat minn Matteo Salvini stess.

Il-Ministru Taljan qal li l-awtoritajiet Taljani għamlu kuntatt ma’ dawk Maltin sabiex jerfgħu responsabbiltà u jsegwu l-każ li qed iseħħ fl-ibħra Maltin. Żied jgħid li jekk l-awtoritajiet Maltin mhux se jagħmlu dmirijiethom, se jagħmel dak kollu possibbli biex id-dgħajjes ma jniżżlux lill-persuni abbord fuq art Taljana.

Risposta tal-Gvern Malti:

L-awtoritajiet Maltin qalu li bħal dejjem, se japplikaw l-proċeduri applikabbli f’dawn il-każijiet. Spjegaw kif dawn il-proċeduri ma jinkludux li l-awtoritajiet Maltin jaqbdu u jinterċettaw bl-użu tal-forza dgħajjes għaddejjin fl-ibħra internazzjonali. Fl-istqarrija, l-awtoritajiet qalu li jekk iwaqqfu d-dritt tal-passaġġ tad-dgħajjes ikunu qegħdin jinterċettaw illegalment. Hawnhekk, il-Gvern Malti għamel referenza għal post ta’ Matteo Salvini stess li fiha jgħid li d-dgħajjes ma kinux qegħdin f’diffikultà.

Il-Gvern Malti qal li jinsab iddiżappuntat li għal darb’oħra l-awtoritajiet Taljani reġgħu rrikorrew għal tattiċi xejn konvezjonali biex jipprova jdur mar-responsabbilitajiet tiegħu.