Sport Sport Ieħor

TENNIS: Osaka tgħid li ‘mhix iddispjaċuta’ dwar l-aġir ta’ Williams

Iċ-Champion tan-nisa tal-US Open, Naomi Osaka, għamlitha ċara li mhix iddispjaċuta dwar kif ir-rebħa memorabbli tagħha fil-finali tas-Sibt spiċċat ‘imtappna’ bil-komportament xejn sportiv tal-avversarju, Serena Williams.

Il-veterana Williams, rebbieħa ta’ diversi Grand Slams, spiċċat involuta f’battibekk jaħraq mal-umpire fit-telfa 6-2,6-4 kontra l-Ġappuniża żgħażugħa u l-folla fi New York infexxet f’ibbujar meta Osaka kienet telgħet biex tirċievi t-trofew.

Intant, Williams weħlet ‘code violation’ dwar sistema ta’ kowċing illegali, waqt li tnaqqsitilha punt talli sabbtet ir-rakketta mal-art. Hi weħlet ukoll penali talli għajjret lill-uffiċjal tal-logħba, Carlos Ramirez, ‘ħalliel’.

Osaka – li kienet ferm emozzjonata fil-ħin tat-trijonf – issa żvelat li, waqt il-preżentazzjoni tat-trofew, Williams qaltilha li ‘kienet kburija biha’ u li l-folla fi New York ‘ma kenitx qed tinsulentaha għaliex rebħet’.

Naomi Osaka, li twieldet il-Ġappun u trabbiet fl-Istati Uniti issa tinsab fis-seba’ post tar-rankings dinjija wara r-rebħa tal-ewwel Grand Slam fil-karriera tagħha.

Hi sostniet li, illum, ma tħoss l-ebda sens ta’ niket dwar il-kontroversja li nqalgħet waqt il-finali fi New York u temmen li ‘dan hu dovut għall-fatt li hi ma kellhiex esperjenzi oħrajn fuq dan il-livell’ tul iż-żmien li ilha tilgħab dan is-sport fuq livell personali.