It-tnikkir tal-Gvern fuq il-ftehim kollettiv fl-Aġenzija Sapport qed iwassal għal tbatija għall-persuni b’diżabilità li l-Gvern għandu d-dmir jagħtihom servizz permezz tal-istess aġenzija.
Fi stqarrija ffirmata mid-Deputati Claudio Grech, Maria Deguara u Karl Gouder intqal li l-ftehim kollettiv f’din l-aġenzija tal-Gvern ilu skadut sentejn iżda l-Gvern għadu ma wasalx biex jagħlqu, billi jagħti lill-ħaddiema d-drittijiet tagħhom skont prinċipji ċari fid-diversi kwistjonijiet li l-Gvern għadu qed iwebbes rasu fuqhom.
It-tnikkir tal-Gvern qed iwassal sabiex l-Aġenzija Sapport ma tagħtix is-servizz mistenni mill-Gvern lill-persuni b’diżabilità. Dan b’detriment għal komunità vulnerabbli f’pajjiżna li għandha tkun prjiorità tal-Gvern u mhux vittma tat-tnikkir. Minflok il-Gvern għandu jiltaqa’ ma min hu involut biex fl-iqsar żmien possibbli jasal għal ftehim biex il-persuni b’diżabilità ma jibqgħux ibatu.
L-Aġenzija Sapport kienet twaqqfet fl-2003 minn Gvern Nazzjonalista biex tagħti servizzi ta’ appoġġ lill-komunità tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom ħalli dawn il-persuni jibqgħu jgħixu fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna.
Dawn is-servizzi jinkludu residenzi u ċentri ta’ matul il-jum. Jinkludu wkoll servizzi lill-familji biex dawn ikunu mwieżna fil-missjoni tagħhom li jieħdu ħsieb membri tal-familja b’diżabilità fid-dar tagħhom u fil-komunità.
L-Oppożizzjoni għalhekk se tibqa’ ssus fuq il-Gvern biex ma jibqax jitnikker, u jagħlaq dan il-ftehim kollettiv malajr b’risq il-ħaddiema u b’risq il-persuni b’diżabilità.
//= $special ?>