Fiċ-ċentru interattiv tax-xjenza l-Esplora, ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Istitut tal-Edukazzjoni.
Permezz ta’ dan il-qbil, intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ entitajiet sabiex jitniedu għadd ta’ korsijiet biex ikompli jsaħħaħ l-għarfien tal-edukaturi fil-qasam tax-xjenza u t-teknoliġija, iżda wkoll tal-qasam tal-arti. L-Istitut Għall-Edukazzjoni se jkun qed jorganizza korsijiet li se jkunu qed jibbenefikaw minnhom kemm l-edukaturi fi ħdan l-Esplora kif ukoll kollaboraturi oħra tal-Esplora.
Il-korsijiet se jkunu qed jgħinu lill-edukaturi tal-Esplora sabiex flimkien mal-għalliema tal-klassi jwasslu l-kontenut tal-kurrikulu lill-istudenti b’mod iktar innovattiv u prattiku. Il-korsijiet se jkunu qed isiru fl-istess bini tal-Esplora u se jkunu qed ikopru materji ta’ xjenza, inġenerija, matematika u teknoloġija fost oħrajn.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Istitut tal-Edukazzjoni Joanne Grima qalet, f’diskors tal-okkażjoni, li kollaborazzjonijet li jsaħħu t-tagħlim dejjem isibu bieb tal-Istitut tal-Edukazzjoni miftuħ beraħ. Hi qalet li l-korsijiet għandhom l-għan li jgħaqqdu dak li jiġri fil-klassijiet u l-laboratorju ma’ esperjenza li tibqa iktar fil-memorja tal-istudent.
Hi qalet li permezz ta’ dan il-qbil se jkunu qed ikun mnedija ‘l fuq minn 80 kors ta’ tulijiet differenti u li jibdew minn minimu ta’ ġimgħa.
L-iffirmar tal-Memorandum of Understanding kien indirizzat ukoll miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando u mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo.
//= $special ?>