Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo deher imħasseb mhux ftit dwar it-tħaddim tal-iskema tat-trasport b’xejn għall-istudenti li suppost għandha tibda titħaddem f’inqas minn ġimgħatejn. Fi tmiem attività, Netnews.com.mt ħa l-kummenti tal-Ministru dwar dan is-suġġett.
Il-Ministru stqarr li għad hemm kwestjonijiet li iridu jiġu risolti qabel ma jibda jitħaddem is-servizz. Hu semma tlett problemi prinċipali:
- in-nuqqas ta’ vetturi
- in-nuqqas ta’ sewwieqa għall-vetturi
- kif se jiġi mħaddem das-servizz bin-numru limitat ta’ vetturi f’faxxa qasira ta’ ħin
Il-Ministru tenna li din hija problema kbira.
Mistoqsi dwar is-superviżjoni li kienet tagħmel parti mill-proposti għal dan is-servizz kif oriġinarjament magħmula, hu qal li dan is-servizz mhux se jkun provdut. Hu qal li se jitqassmu apparati lill-istudenit li se jkunu qed jagħmlu użu minn dan is-servizz. Il-Fob, li huwa apparat elettroniku li jitwaħħal mal-basket tal-iskola tal-istudent u elettronikament jindika il-lokalita’ tal-istudent matul it-traġitt, se jkun parti mill-iskema u se jitqassmu lil studenti tal-iskejjel tal-Gvern u eventwalment lil studenti ta’ skejjel privati u tal-Knisja.
Dan ifisser li l-Gvern mar lura fuq il-wegħda li s-servizz ikun b’supervizjoni, u ħafna ġentiru speċjalment ta’ tfal żgħar huma mħassbin dwar dan.
Mistoqsi dwar il-ħinijiet li se jkunu qed jinġabru filgħodu l-istudenti, wara li xi ġenituri intqalilhom li t-trasport se jkun qed jiġbor lit-tfal mill-‘pick up point’ sa mill-5.30am, il-Ministru qal li dan mhux ħin aċċettabbli iżda li wieħed għad irid jara kif se jaħdem is-servizz.
Intant il-bieraħ il-paġna ta’ Facebook ta’ Maltagov għamlet sessjoni live ta’ mistoqsijiet u tweġibiet ma rappreżentanti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Is-sit ġie bbumbardjat b’kummenti u mistoqsijiet ta’ ġenituri nkwetati hekk kif inqas minn ġimgħatejn bogħod mill-bidu tal-iskola, għad hemm inċertezza kbira dwar dan is-servizz. Ħafna mill-mistoqsijiet li għamlu l-ġenituri baqgħu mhux imwieġba.
Numru kbir ta’ mistoqsijiet kienu dwar is-superviżjoni u l-ħinijiet tal-ġbir tat-tfal. Ġenituri oħra lmentaw li meta kellmu lill-operatur intqalilhom li l-opertur ma fadalx spazju għat-tfal tagħhom fuq il-vetturi tagħhom, u oħrajn li ppruvaw jużaw is-sit elettroniku tal-gvern biex jibbukkjaw it-trasport mal-Kooperazzjoni tat-Trasport sabu biss messaġġ li jgħidilhom li mhux qed joffru servizzi tat-trasport għax il-vannijiet huma kollha mimlijin.
Ġenituri oħra kellhom problemi bil-flus li diġa ħallsu lill-operatur u li l-operatur issa qed jirriffjuta li jagħti lura l-flus imħallsa, minkejja li l-gvern qal li l-ħlas se jkun qed isir direttametn minnu lill-opertur.