Bħalma kien mistenni, il-Polonja ħabbret li fil-kwistjoni li feġġet bejn l-Ungerija u l-Kummissjoni Ewropea, din kienet se żżomm mal-Gvern tal-Prim Ministru Viktor Orban.
Il-Gvern Pollakk qal li kien se jopponi għal kull proposta ta’ sanzjonijiet kontra l-Ungerija li qed tkun akkużata li qed tikser ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar id-demokrazija.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk qal li kull pajjiż kellu d-dritt sovran li jagħmel ir-riformi interni li jħoss li hemm bżonn. Intqal li azzjoni simili kontra pajjiż membru kienet isservi biss biex titkabbar il-firda li diġà hemm fl-UE u n-nuqqas ta’ fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet.
Nhar l-Erbgħa, il-Parlament Ewropew ivvota biex jibdew il-proċeduri kontra l-Ungerija talli f’diversi oqsma qed tmur kontra l-valuri bażiċi tal-UE f’dik li hi demokrazija, drittijiet ċivili u korruzzjoni. Proċedura li hi magħrufa bħala l-Artiklu 7.
Minn mindu tela’ fil-poter fl-2010, Orban uża l-maġġoranza parlamentari biex jagħmel pressjoni fuq il-qrati, il-midja u l-gruppi mhux governativi. Hu wkoll mexxa l-oppożizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea kontra proposti biex il-pajjiżi jaċċettaw aktar refuġjati Musulmani.
Aktar minn żewġ terzi tal-Membri Parlamentari Ewropej appoġġaw din il-mozzjoni – l-ewwel darba li sar pass simili kontra pajjiż membru. Issa jekk dan ikun approvat mill-mexxejja tal-pajjiżi membri, jistgħu jittieħdu passi dixxiplinarji kontra l-Ungerija, għalkemm hawn l-affarijiet jistgħu jiġu mblukkati mit-tmexxija ta’ pajjiżi li għandhom l-istess ideat politiċi ta’ Orban.
Nhar it-Tlieta, Orban stess indirizza l-Parlament Ewropew biex jiddefendi lill-Gvern tiegħu u qal li l-pass li ħa l-Parlament Ewropew kien forma ta’ rikatt kontra pajjiżu u insult lill-Ungerija.
//= $special ?>

