Paul Manafort, l-uffiċjal li kien mexxa l-kampanja ta’ Donald Trump — illum il-President tal-Istati Uniti — fl-elezzjoni tal-2016, qabel li jikkoopera mal-investigazzjoni dwar l-allegat indħil tar-Russja f’dak il-proċess.
Manafort ammetta ħtija (fil-qorti) għal żewġ reati kriminali bħala parti minn ftehim mal-Prosekutur Speċjali Robert Mueller — b’dan il-ftehim partikulari jevita li Manafort jgħaddi minn tieni proċess legali dwar ħasil tal-flus u reati oħra.
Ix-xahar li għadda, Paul Manafort kien instab ħati dwar tmien akkużi ta’ frodi; frodi konnessi mal-attivitajiet tal-banek u (anki) talli ma żvelax informazzjoni dwar xi kontijiet bankarji.
Dan kien l-ewwel proċess kriminali relatat mal-investigazzjoni li d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan qed imexxi dwar l-allegat sehem ta’ Moska fl-elezzjoni presidenzjali tal-2016. Intant, l-akkużi huma relatati biss għall-konsulenza politika ta’ Manafort ma’ politiċi fl-Ukrajna li kellhom is-simpatiji mar-Russja. L-aġir ta’ Manafort, fil-parti kbira, twettaq qabel ir-rwol tiegħu fil-kampanja ta’ Donald Trump.
Sadanittant, l-eks campaign chairman għal Trump, xi sigħat ilu, ammetta ħtija għal akkuża dwar ‘kumploitt kontra l-Istati Uniti’ kif ukoll għal akkuża oħra ta’ ‘kumplott intiż biex itellef il-ġustizzja’.
Filwaqt li Manafort kien personalità importanti fiċ-ċirku tan-nies madwar Trump, il-President tal-Istati Uniti ilu jipprova jiddisassoċja ruħu minn mal-ekskonsulent.
Dan waqt li stqarrija mill-White House ta’ Washington qalet, illum, li l-aħħar żviluppi fil-każ ta’ Paul Manafort ‘ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-President (Trump) inkella l-kampanja Presidenzjali tal-2016’.
//= $special ?>

