Il-Malta Football Association ħarġet stqarrija biex tikkjarifika dak li deher f’sezzjoni tal-media lbieraħ dwar l-aħbar taż-żieda tal-plejers barranin fil-Kampjonat Premier minn sebgħa għal 11-il plejer. L-MFA qalet li għadha ma rċeviet l-ebda proposta f’dan ir-rigward, u meta dan iseħħ, tiġi diskussa fil-Kunsill tal-MFA fejn wara evalwazzjoni jittieħed vot minn dawk preżenti. Għaldaqstant, sa issa għad ma hemm l-ebda konferma li l-istaġun li ġej se jkun hemm 11-il barrani.
Net Sports jinsab infurmat li waqt il-laqgħa tal-Premier League Standing Committee ġew diskussi diversi temi fosthom biex jitneħħew il-parametri tal-plejers skont ir-regoli tal-UEFA u l-FIFA, kif ukoll biex il-plejers żgħażagħ ikunu jistgħu jiċċaqalqu b’xejn minn sena għal sena.
Waqt il-laqgħa kien hemm tliet mozzjonijiet li l-klabbs preżenti ddiskutew. Dawn kienu li kollox jibqa’ kif inhu, ikun hemm sistema gradwali li tidħol fis-seħħ bejn tlieta u erba’ snin jew li mill-istaġun li ġej ikun hemm possibbiltà ta’ 11-il barrani mal-ewwel 18. Għal din l-aħħar proposta l-maġġoranza tal-klabbs ivvutaw favur din il-mozzjoni, b’żewġ klabbs kienu assenti.
//= $special ?>