Lokali Saħħa

L-obeżità fost iż-żgħażagħ trid tiġi indirizzata b’serjetà

L-istatistika tal-Organizazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) dwar l-obeżità reġgħet għal darb’oħra tat ċertifikat inkwetanti għas-sitwazzjoni allarmanti fost iż-żgħażagħ f’pajjiżna. Statistika waħda wara l-oħra tikkonferma li pajjiżna għandu fost l-ogħla rata ta’ obeżità fost iż-żgħażagħ, u li f’ċerti etajiet saħansitra pajjiżna jinsab fil-quċċata tar-rata tal-obeżità. Dan qalu fi stqarrija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus.

L-istatistika qed turi li iktar minn terz tas-subien ta’ 13-il sena huma obeżi jew għandhom piż żejjed, filwaqt li terz tal-bniet tal-istess eta’ għandhom piż żejjed. Fl-istess waqt, hemm etajiet oħrajn ta’ żgħażagħ li wkoll huma inkwetanti.

Il-Gvern għandu jibda, minnufih u mingħajr dewmien, billi jintroduċi l-avviżi legali li kellu jidħol sabiex jiġu implimentati l-provvedimenti tal-liġi dwar stili ta’ ħajja sana, imressqa mid-Deptutat tal-Oppozizzjoni Robert Cutajar u li kienet approvata mill-Parlament f’Jannar 2016.

Minn dakinhar sal-lum, il-Gvern ħalla din il-liġi fuq l-ixkaffa minkejja l-effetti pożittivi tagħha fil-ġlieda kontra l-obeżità. Fost l-inizjattivi tagħha, il-liġi dwar stili ta’ ħajja sana toffri qafas legali għat-twettiq ta’ miżuri għas-soċjetà kollha: mill-omm bit-tarbija fil-ġuf, għat-tfal fl-edukazzjoni primarja u sekondarja, għall-anzjanità attiva fid-djar u ċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani, għall-Kunsilli Lokali sabiex jiġu mgħejjuna jintroduċu laqgħat informattivi dwar stili ta’ ħajja sana, għal aktar spazji miftuħa sabiex iservu bħala open-air gymsu favur l-attività fiżika kuljum.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-kwistjoni tal-obeżità u l-piż żejjed teħtieġ pjan strateġiku u serju b’miri stabiliti sabiex pajjiżna jibda jindirizza din il-kwistjoni darba għal dejjem. Poplu aktar f’saħħtu huwa poplu li jgħix aktar fit-tul, b’ħajja ta’ kwalità aħjar u jkun ta’ inqas piż fuq is-servizz tas-saħħa. L-Oppożizzjoni lesta taħdem id f’id mal-Gvern sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata flimkien sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa għal poplu iktar b’saħħtu.