“Mhux aċċettabbli li drogi li jsalvaw il-ħajja billi jiprevenu l-HIV għadhom mhux jingħataw b’xejn fis-servizz tas-saħħa nazzjonali f’Malta,” qalet il-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta Metsola.
L-MEP Metsola qalet “Għamilna passi ‘l quddiem riċentament meta introduċejna l-bejgħ tal-PrEP (Pr-Exposure Prophylaxis) u l-PEP (Post-Exposure Prophylaxis) f’Malta, imma l-prezz tagħhom qed iwassal biex ħafna drabi, l-maġġoranza tan-nies mhux qed jingħataw il-medikazzjoni li tista’ ssalvalhom ħajjithom.”
L-MEP Metsola, li ilha membru tal-LGBTI InterGroup tal-Parlament Ewropew, u kienet ukoll, f’isem il-PPE, innegozjat ir-rapport importanti kontra l-omofobija, qalet li “bħala politiċi, irridu nqajmu kuxjenza dwar l-importanza ta’ dawn id-drogi fil-ġlieda kontra l-infezzjonijiet tal-HIV – kemm f’Malta, kif ukoll lil hinn minn pajjiżna.
M’għandux ikun hemm distinzjoni bejn dawk in-nies li jaffordjaw il-mediċini u dawk li ma jifilħux iħallsu għalihom. Il-Gvern għandu jiprovdi dawn id-drogi lil kull min għandu bżonnhom. Smajna kemm-il darba dwar pjanijiet li din tista’ sseħħ xi darba fil-futur, imma aħna qed ninsistu li issa wasal iż-żmien għalihom.”
L-MEP Metsola żiedet tgħid li “din kienet wegħda ċara fil-programm elettorali tal-PN fl-2017, hija pożizzjoni li l-MZPN ressqet ‘il quddiem, u aħna se nkompli nagħmlu pressjoni fuq il-Gvern biex jaġixxi.”
//= $special ?>