Internazzjonali

Sensiela ta’ splużjonijiet fis-sistema tal-gass madwar Boston

Tal-anqas persuna tilfet ħajjitha, b’oħrajn jisfaw midruba, wara li sensiela ta’ splużjonijiet – x’aktarx li dovuti għall-gass – heżżew zona kbira li tinsab lejn it-Tramuntana ta’ Boston.

Intant, il-pulizija u l-iskwadri għall-emerġenzi kkonfermaw ‘in-nirien u l-isplużjonijiet’ f’għexieren ta’ biċċiet tal-proprjetà, b’mijiet ta’ residenti jispiċċaw evakwati mill-inħawi. Is-sitwazzjoni tant kienet perikoluża li l-awtoritajiet lokali ddeċidew li jaqtgħu s-servizzi tal-gass u l-elettriku biex jippruvaw jevitaw aktar inċidenti.

L-uffiċjali għall-emerġenzi qalu li seħħew bejn 60 u 80 nirien, minbarra sensiela ta’ splużjonijiet fi djar jew stabbilimenti fl-ibliet ta’ Lawrence, Andover u North Andover li jinsabu xi 45 kilometru lejn in-naħa ta’ fuq minn Boston.