L-Uragan Florence, il-Ġimgħa, miss mal-East Coast tal-Istati Uniti fost l-irwiefen u x-xita qliel u bi possibbiltà kbira ta’ għargħar ‘katastrofiku’.
L-element ta’ periklu għall-ħajja hu wieħed qawwi meta saru effettivi t-twissijiet għall-evakwazzjoni ta’ aktar minn miljun ruħ mill-inħawi u l-komunitajiet li mistennija jaraw l-agħar tal-elementi.
Il-maltemp ta’ ‘Florence’, fl-aħħar sigħat laqat il-Bajja ta’ Wrightsville, f’North Carolina, fost irwiefen b’veloċità ta’ 150 kilometru fis-siegħa. Dan waqt li l-elementi tal-uragan assedjaw numru ta’ zoni qrib il-kosta, b’għexieren ta’ nies fil-belt ta’ New Bern ikollhom jirrikorru għall-mezzi tas-salvataġġ.
Il-Gvernatur ta’ North Carolina, Roy Cooper, ħeġġeġ biex in-nies ‘jaħdmu bħala kollettiv’ fl-isforzi biex jimminimizzaw l-impatt tal-urgan waqt li wissa dwar ‘jiem konsekuttivi ta’ dan il-maltemp aħrax’. Fil-fatt, is-servizzi meteoroloġiċi qed jistennew li tinżel l-ekwivalenti ta’ tmien xhur xita fuq North Carolina ‘fi spazju ta’ jumejn jew tlett ijiem’.
Fl-aħħar sigħat, bdew telgħin il-livelli tal-baħar mal-kosta ta’ North Carolina, b’kelliema għan-National Hurricane Centre iwissu li l-maltemp għandu jitqies bħala ‘ferm perikoluż għar-residenti’ minħabba l-volum kbir tax-xita li niżlet f’daqqa u l-elementi l-oħrajn tal-maltemp li qegħdin jolqtu f’daqqa u b’mod, ftit jew wisq, imprevedibbli.
//= $special ?>

