Lokali

1963: Sena ta’ ġirja lejn il-kisba tal-Indipendenza

Kitba ta' Joe Zahra fil-ġurnal In-Nazzjon

Wara ħakma kolonjali ta’ erba’ snin, bejn is-16 u d-19 ta’ Frar 1962, saru f’Malta u Għawdex elezzjonijiet ġenerali li kienu kkontestati minn sitt partiti politiċi li ħamsa minnhom eleġġew deputati fil-Parlament ta’ Malta.
F’din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista kiseb 63,262 vot; il-Partit Laburista 50,974 vot; il-Partit tal-Ħaddiema Nsara (PĦN) 14,285 vot; il-Partit Demokratiku Nazzjonalista (PDN) 13,968 vot; il-Partit Kostituzzjonali Progressiv (PKP) 7,290 vot; oħrajn, fosthom il-Partit Demokratiku Kristjan, kisbu 827 vot. Hekk il-Partit Nazzjonalista kiseb 25 siġġu minn 50; il-Partit Laburista 16; il-PĦN 4; il-PDN 4 u l-PKP 1. Aktar tard fil-leġiżlatura membru parlamentari mill-PDN issieħeb mal-PN biex il-Partit Nazzjonalista kellu 26 deputat minn 50 – maġġoranza assoluta.

Il-Partit Nazzjonalista minn qabel l-elezzjoni, u fil-programm elettorali tiegħu, kellu bħala prijorità l-indipendenza ta’ pajjiżna fil-Commonwealth. Kien jemmen, u ż-żmien tah raġun, li jekk ma nkunux rajna f’idejna ma nimxux ’il quddiem. Kien jaf li mill-Ingliżi ftit li xejn seta’ jieħu u li minkejja rundowns u sensji minn mas-Servizzi Militari Ingliżi u l-istat diżastruż tal-ekonomija li ħallew wara ħakma ta’ erba’ snin, ma għamlu ebda offerta ta’ għajnuna finanzjarja ħlief somma redikola ta’ ftit għexieren ta’ eluf li Ġorġ Borg Olivier kien stqarr li lanqas kienet biżżejjed biex jinxtara plejer tal-futbol!

55 sena ilu
Jien se naqbeż l-1962 u nidħol mill-ewwel għall-1963 – 55 sena ilu, is-sena li fiha qbadna l-mixja mgħaġġla li wasslet għall-akkwist tal-Indipendenza fil-21 ta’ Settembru 1964. Anzi, ħalli naqbad minn xahrejn qabel: Novembru tal-1962.

Għedt iżjed ’il fuq li l-Gvern Ingliż kien intransiġenti mal-Gvern Malti u l-poplu tiegħu. Quddiem din l-intransiġenza fis-27 ta’ Novembru l-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier ħabbar fil-Parlament li kien se jitla’ Londra biex jipprepara għal konferenza formali dwar l-Indipendenza ta’ Malta. F’Diċembru l-Prim Ministru Malti kellu taħditiet f’Londra mas-Segretarju għar-Relazzjonijiet tal-Commonwealth u l-Kolonji, Mr Duncan Sandys. Fl-istess waqt kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru għall-Iżvilupp Industrijali u Turiżmu, Dr Giovanni Felice, kienu għaddejjin b’kuntatti ma’ pajjiżi fi ħdan il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) dwar xi forma ta’ relazzjoni ta’ pajjiżna mal-komunità li tant kienet qed tissaħħaħ li anki l-Gvern Ingliż – li allura kien il-perċimes biex twaqqfet l-EFTA (European Free Trade Area), għaqda oħra kummerċjali Ewropea li kienet tiġbor seba’ pajjiżi oħra li b’differenza mill-KEE li kienet fil-qalba tal-Ewropa, il-pajjiżi fl-EFTA kienu fil-periferija – ried jissieħeb magħha.

L-EFTA twaqqfet bħala risposta tal-Gvern Ingliż għall-KEE li kienet tiġbor tliet pajjiżi ewlenin tal-Ewropa, il-Ġermanja tal-Punent, Franza u l-Italja flimkien mal-Olanda, il-Belġju u l-Lussemburgu. F’Ġunju l-Ministru Felice kien żar Ruma u Brussell fejn iddiskuta l-prospetti ta’ Malta li tissieħeb fis-Suq Komuni.

Determinazzjoni minn Borg Olivier
Id-determinazzjoni ta’ Ġorġ Borg Olivier kompliet issaħħet meta fid-19 ta’ Ottubru tal-1962 il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament għadda biex kiseb maġġoranza assoluta ta’ membri parlamentari meta d-Deputat tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista Għawdxi, Coronato Attard, iddeċieda li jingħaqad mal-grupp parlamentari Nazzjonalista. Hekk il-Partit Nazzjonalista issa kellu 26 deputat f’Parlament ta’ 50 bis-saħħa tal-partiti fil-Parlament taqra hekk: PN 26 deputat; MLP 16-il deputat; Partit tal-Ħaddiema Nsara 4, Partit Demokratiku Nazzjonalista 3 u Partit Kostituzzjonali Progressiv 1.

L-1963 kellha tkun sena ta’ ħidma kbira sew għall-Gvern kif ukoll għall-Partit Nazzjonalista. Fit-tieni kwart tas-sena kont barra l-pajjiż fuq fellowship mill-FAO (Food and Agriculture Organisation) li ħadni għal tliet xhur ta’ żjarat ta’ koperattivi ta’ kull tip, l-aktar dawk tal-agrikultura, fl-Italja u f’Iżrael. Qed insemmi dan għaliex waqt li kont Iżrael ġrat xi ħaġa kurjuża li kompliet saħħet il-fehma tiegħi dwar il-kapaċitajiet ta’ Ġorġ Borg Olivier.

Kont qed nivvjaġġja b’taxi lejn Tel Aviv meta s-sewwieq staqsieni minn fejn ġej u jien għedtlu li minn Malta. Dan dar fuqi u qalli li Malta hi żgur immexxija minn Prim Ministru li ma jibżax jgħid dak li jaħseb. Qalli li kien għadu kif sema’ l-aħbarijiet fuq ir-radju fejn intqal li Malta kienet irrifjutat missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jekk din l-istess missjoni ma żżurx il-pajjiżi li hemm fl-istess missjoni.

Dan melieni bi kburija u ma nqastx milli nispjegalu kemm il-Prim Ministru tagħna kien kapaċi anki jekk konna pajjiż żgħir mingħajr riżorsi u konna għadna kolonja. Wara sirt naf li fit-12 ta’ Mejju l-Prim Ministru Borg Olivier kien ikkummenta fil-Parlament dwar dibattitu li kien sar dwar Malta fin-Nazzjonijiet Uniti. Hu stqarr li jħalli fact finding committee tan-Nazzjonijiet Uniti jżur Malta jekk kumitat simili minn Malta jitħalla jżur dawk il-pajjiżi rappreżentati fuq il-kumitat biex jaraw kif l-elezzjonijiet jitmexxew f’dawk il-pajjiżi. Id-diskors ta’ Borg Olivier intlaqa’ b’ċapċip kbir.

Is-sitwazzjoni f’Iżrael
Waqt li kont Iżreal kelli l-opportunità nsegwi l-progress kbir li kien sar f’dak il-pajjiż. Il-mod kif bidlu d-deżert f’art agrikola, il-bini modern f’Ġerusalemm, Tel Aviv u Haifa. Kelli l-opportunità ngħaddi xi żmien fil-kibutz fejn rajt kif jgħixu dawn in-nies u kif jaħdmu biex jibnu l-ekonomija ta’ stat kontinwament mhedded mill-ġirien tiegħu. Fuq żjara tal-istazzjon tar-radju Kol Israel fhimt ukoll taħt liema kundizzjonijiet kienu jaħdmu.

L-istazzjon kien fuq il-fruntiera f’Ġerusalemm li dak iż-żmien kien maqsum bejn Iżrael u l-Ġordan. Mad-dawra kien hemm xkejjer tar-ramel u f’waqtiet kont anke tisma’ l-ħsejjes tal-isparar. Dawn il-ħaddiema kienu hekk qrib tal-mewt!

M’hemmx dubju li ammirajt il-kapaċitajiet ta’ dawn in-nies li bnew stat minn xejn, f’nofs ta’ pajjiżi u popli li kienu fi stat ta’ gwerra magħhom u li dan kienu qed juruh minn żmien għal ieħor. Anki dan kompla melieni b’kuraġġ. Irraġunajt li jekk il-poplu Lhudi mdawwar kif inhu mdawwar minn pajjiżi ostili għalih irnexxielu jagħmel dan il-progress kollu, għaliex aħna, li madwarna nqisu li għandna biss pajjiżi ħbieb, m’għandniex nagħmlu suċċess mill-Indipendenza?

It-tieni parti tidher għada f’Il-Mument