Raġel mill-Kosta tal-Avorju qed jinżamm arrestat wara li mara ta’ 35 sena nstabet mejta fir-residenza tagħha f’ċirkustanzi li għadha mhix magħrufa eżattament il-kawża tal-mewt.
Skont rapporti fil-media, fuq il-mara seħħet awtopsja li minnha rriżulta li l-mara mietet fgata. Dan hekk kif fuq il-vittma nstabu tagħfis fuq għonqha u tbenġil fuq daharha.
Pero min-naħa tagħha, il-Pulizija ma kkonfermatx din l-informazzjoni meta NET News talab konferma dwar dan.
Filgħodu, meta kienet għadha kif ħarġet l-aħbar li l-mara nstabet mejta fuq is-sodda f’residenza fi Triq F. Tortell f’Raħal Ġdid, kien qed jingħad li l-mara mietet għall-għarrieda. Madanakollu, matul il-ġurnata bdew ħerġin dettalji li jagħtu impressjoni li l-affarijiet setgħu kienu aktar kumplikati minn hekk.
Filfatt, NET News jinsab infurmat li sieħeb il-mara mejta, spiss kien ikollu xi jgħid ta’ mas-sieħba tiegħu u saħansitra anke ma’ membri oħra tal-familja tagħha.
Jidher, dejjem skont informazzjoni li rċieva NET News, li l-argumenti li kienu qed ikollhom fiż-żmien riċenti, kienu qed jeskalaw iżżejjed.
Jidher li omm il-mejta kienet minn tal-ewwel li sabet lil bintha mejta fis-sodda – tant li skont persuni li tkellmu ma’ NET News, omm il-mejta bdiet twerżaq u tgħajjat f’kommossjoni li nħolqot meta saret l-iskoperta tal-katavru.
Meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu lis-sieħeb tal-mara li miegħu kellu tarbija ta’ xahrejn. Hu ttieħed id-Depot u qed jinżamm hemmhekk għal aktar stħarriġ.
Sadanittant, il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha biex tistabbilixxi eżattament x’kienu ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-mewt ta’ din il-mara. Dan meta fuq il-post marru wkoll Pulizija mit-Taqsima tal-Forensika biex jelevaw kwalunkwe evidenza.
Akkumpanjata magħhom kien hemm il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima li appena ġiet infurmata bil-każ, ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li appuntat. Għal xi ħin, it-triq fejn hemm ir-residenza, ingħalqet mill-Pulizija.
//= $special ?>