Lokali

FILMAT: “Irrid ikollna soċjetà li jimpurtaha ħalli għada nħallu pajjiż aħjar”

“Irrid ikollna soċjetà li jimpurtaha mhux miċ-ċifri u mill-figuri iżda min-nies, mill-familji ħalli għada nħallu pajjiż aħjar milli sibnih.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’intervista li saritlu fuq is-sit elettroniku newsbook.com.mt. Il-ħajja mhux kemm tonfoq jew kemm tibni. Il-ħajja hi l-familja, li tgħix, taħdem u tgawdi l-ħin mal-familja. Sfortunatament qed ngħixu f’pajjiż kloastrofobiku li qed imarrad lin-nies. Traffiku kbir, toroq mhux siguri. Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan għal dan kollu.

Adrian Delia sostna li hu mhux razzist. Malta trid tosserva l-liġijiet internazzjonali iżda għandha wkoll obbligi morali lejn il-ħajja li hi l-ogħla valur.  Irridu nitkellmu b’leħen sod u ċar. Malta trid tixpruna biex tkun ċentru ta’ salvataġġ.  Fid-dawl ta’ dan il-Gvern mhux qed irendi t-toroq tagħna siguri mill-kriminalità. Il-Gvern għandu obbligu li jara min ġej f’pajjiżna. Hemm bżonn ta’ iktar investiment fil-Korp tal-Pulizija. Ftit tax-xhur ilu Adrian Delia stess għamel żjara fl-għassa tal-Marsa fejn kien hemm biss tliet pulizija preżenti.

Il-Gvern qed jgħid li fl-erba’ snin li ġejjin, il-popolazzjoni Maltija se tiżdied b’70,000 persuna. Però il-Gvern m’għandux pjan dwar fejn se jpoġġi lil dawn in-nies kollha. Malta saret l-iktar pajjiż poplat u mibni fl-Ewropa. Il-kirjiet tal-proprejtà tant għolew li koppji żgħażagħ bilkemm qed isibu fejn jikru. Irid jiġi kkrejat iktar ġid mingħajr ma jkollna influss kbir ta’ ħaddiema. Irrid ikun hemm iktar inċentivi għan-nisa biex jaħdmu mid-dar biex b’hekk tiżdied il-produttivita. Il-Gvern mhux kapaċi jkabbar l-ekonomija bil-produzzjoni imma minflok qed ikabbarha biss bil-popolazzjoni.

Adrian Delia saħaq li bħala politiċi għandhom jiġġieldu mhux biss il-korruzzjoni iżda wkoll il-mibegħda. Il-politika m’għandha qatt tkun għodda ta’ mibegħda.

L-ambjent minn dejjem kien prijorità għall-Partit Nazzjonalista. L-ambjent ma jistax ikun li jibqa’ għadu tal-iżviluppatur, irridu noħolqu l-ambjent li għandna bżonn b’enerġija nadifa u b’karozzi li ma jibqgħux iniġġsu.