Lokali

“Il-mira tagħna tibqa’ l-Awtorità tal-Ippjanar u mhux il-Pulizija” – il-Graffiti

“Il-mira tagħna tibqa’ l-Awtorità tal-Ippjanar u mhux il-Pulizija.”

Dawn kienu l-kliem li saħqu fi stqarrija l-Moviment Graffitti u l-Kamp Emerġenza Ambjent hekk kif insistew li t-tħassib ewlieni jibqa’ il-Fuel Service Station Policy u l-imġieba offensiva tal-PA, u mhux l-azzjonijiet tal-pulizija.

Filwaqt li rringrazzjaw lil dawk kollha li wrew is-solidarjetà magħhom tul dawn l-aħħar jiem huma rrikonoxxew li waqt l-azzjoni tal-Ħamis li għadda ħafna uffiċjali tal-pulizija kienu qegħdin sempliċiment jagħmlu xogħolhom.

Huma spjegaw li għalkemm iddispjaċihom li uħud minn dawn l-uffiċjali tal-RIU esaġeraw u qabdu u kaxkru lill-attivisti minn għonqhom, u saħansitra allegatament garaw tambur f’wiċċhom, stiednu lil kulħadd sabiex jiffoka fuq il-kwistjoni l-iktar urġenti: 9 xhur wara li ġiet imwiegħda reviżjoni tal-Fuel Service Station Policy. Huma insistew li din il-policy, deskritta bħala waħda redikola, għadha hemm, mingħajr ebda riforma.

Fl-istqarrija spjegaw li l-fatt li l-applikazzjoni għal pompa tal-petrol fiż-Żejtun ġiet irrifjutata hija xi ħaġa pożittiva, imma mhux ta’ sinifikat kbir. Dan hekk kif erba’ pompi tal-petrol diġà ġew approvati f’dawn l-aħħar xhur, ħdax-il applikazzjoni oħra għadhom iridu jiġu pproċessati, u iktar applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi. Huma insistew li b’kollox hemm id-daqs ta’ seba’ darbiet il-fosos tal-Furjana jista’ jittieħed għal pompi tal-petrol fuq art agrikola u naturali.

Il-Moviment Graffitti u Kamp Emerġenza Ambjent saħqu li l-azzjoni tal-Ħamis li għadda kienet waħda ta’ diżubbidjenza ċivili paċifika fil-kuntest ta’ ċirkustanzi estremi. Dan hekk kif għalkemm l-awtoritajiet stess ammettew li din il-policy hija ħażina u għandha tinbidel xorta waħda baqa’ ma sar xejn. Huma saħqu li huwa kollu minnu li nħarġu stqarrijiet, intbagħtu emails lill-Awtorità tal-Ippjanar, inkitbu artikli u saru konferenzi stampa – iżda xorta waħda kulħadd ġie kompletament injorat.

Dan juri, kompliet l-istqarrija, kif il-poter tal-iżviluppaturi  ħarab barra l-kontroll demokratiku, bir-riżultat li pajjiżna qed jinqered b’mod mgħaġġel u l-futur tagħna fuq din il-gżira qed jispiċċa mhedded. Għalhekk, kkonkludew li hekk kif għamlu eżattament sentejn ilu meta fetħu bil-forza il-gradi ta’ Manoel Island, il-Ħamis li għadda għamlu azzjoni diretta biex iwaqqfu dak li huwa deskritt minnhom bħala ġenn.

Protesta mill-ambjentalisti toħloq kommosjoni fl-Awtorita’ tal-Ippjanar