Wara li dalgħodu l-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo esprima ruħu dwar il-kwistjoni marbuta mad-deċiżjoni tal-PDSC li huma favur il-11-il barrani fil-Kampjonat Premier l-istaġun li ġej, il-Premier Division Standing Committee ħareġ stqarrija b’reazzjoni għal dan il-kumment.
Huma ddeskrivew l-istqarrija bħala konfrontattiva, fejn qalu li fl-opinjoni tagħhom id-dikjarazzjoni tal-President tal-MFA hi “prematura u tippreġudika d-diskussjoni li se ssir fil-Kunsill tal-MFA dwar it-tibdil li l-MFA qiegħda tipproponi fir-regolamenti tagħha.”
Il-PDSC kompla jgħid fl-istqarrija li kien hemm ftehim li d-diskussjoni dwar bdil ta’ regolamenti jsiru biss fil-fora uffiċjali tal-assoċjazzjoni u mhux fil-pubbliku. Huma qalu li l-MFPA u l-President tal-MFA naqsu li jonoraw il-ftehim mal-ewwel opportunità.
L-istqarrija kompliet tgħid li “hu ta’ dispjaċir li l-futbol Malti llum jinstab f’sitwazzjoni li jekk tazzarda jkollok opinjoni differenti mill-President tal-MFA, li suppost jirrappreżenta lil kulħadd, tiġi attakkat fil-pubbliku mingħajr ebda diskussjoni bejn il-partijiet.”
Il-PDSC saħaq li se jżomm il-pożizzjoni tiegħu li jitkellem fuq il-bidliet proposti kif miftiehem u rringrazzjaw lil dawk li żammew mal-ftehim. Din l-istqarrija saret bi qbil bejn 12-il klabb tal-Kampjonat Premier, bl-eċċezzjoni ta’ Gżira United u St. Andrews.
//= $special ?>