Futbol Sport

Liverpool u Chelsea l-uniċi b’punti massimi fil-Premier League

Liverpool għelbu lil Tottenham, 2-1, barra minn darhom biex żammew ir-rekord ta’ mija fil-mija mill-bidu tal-istaġun. Intant, il-Merseysiders, fil-preżent, qegħdin jaqsmu l-ewwel post ma’ Chelsea li bħalhom għandhom punteġġ massimu mill-ewwel ħames logħbiet.

B’dan is-suċċess f’White Hart Lane, ir-Reds irnexxielhom jirbħu l-ewwel ħames logħbiet konsekuttivi ta’ kampjonat ġdid għall-ewwel darba mill-istaġun 1990 u l-manager tagħhom, Jurgen Klopp, sostna li it-tim tiegħu kien jimmeritah ‘dan ir-riżultat kbir’ kontra avversarji li qed jaspiraw għal post mat-‘Top Four’ fil-Premier League.

Min-naħa tagħhom Tottenham iddiżappuntaw u ma dehrux tim organizzat daqs Liverpool li setgħu joperaw bis-solitu kontra-attakki, fejn Mane, Firmino u Salah kienu dejjem perikolużi.

Intant, l-ewwel gowl ta’ Liverpool wasal ħames minuti qabel il-mistrieħ meta d-daqqa ta’ ras ta’ Georginio Wijnaldum għeleb lill-gowlkiper Vorm u kien ikkonvalidat (wara dubju dwar jekk qabiżx il-linja fatali) mit-teknoloġija li, bħalissa, qed tkun suġġetta għall-provi fl-Ingilterra.

Liverpool komplew juru logħob superjuri u rduppjaw fit-tieni taqsima meta Roberto Firmino sammar ġewwa mill-viċin wara li Vertonghen dawwar il-kross ta’ Sadio Mane għal fuq il-lasta tiegħu, bil-ballun jispiċċa f’saqajn il-Brażiljan li ma żbaljax.

Andrew Robertson laqat il-lasta għal Liverpool, u b’Moura jagħmel l-istess għal Spurs, iżda fil-verità ir-Reds setgħu għamlu r-rebħa aktar konvinċenti li kieku Keita u Mane ma tilfux ċansijiet faċli.

Intant, is-sostitut Erik Lamela naqqas id-distakk b’xutt qawwi fil-ħin miżjud u sekondi wara, Spurs kellhom għajta valida għal penalty meta Mane waqqa’ lis-sostitut Son Heung-min fil-kaxxa, bir-referi, Michael Oliver, iħalli l-logħob għaddej.

Chelsea wieġbu bl-aħjar mod wara li sabu ruħhom minn taħt ma’ Cardiff City fi Stamford Bridge fejn skurjaw erba’ darbiet biex telgħu fil-quċċata tal-Premier League ma’ Liverpool, b’differenza ta’ gowls aħjar minn tar-Reds.

L-eroj tal-logħba, bla dubju, kien il-Belġjan, Eden Hazard, li skorja ħat-trick  — bil-gowls jaslu fis-37, l-44 u t-80 minuta ( l-aħħar wieħed minn penalty) u b’Willian jgħaqqad il-poker għall-Blues, seba’ minuti mit-tmiem. Dan wara li Cardiff – li issa ilhom ma jirbħu sitt logħbiet – kienu marru fil-vantaġġ minn Bamba li sab ir-rokna tax-xibka wara kwarta għal gowl li kien biss illużjoni qabel il-valanga.

L-attakkant Ġermaniż, Leroy Sane, beda l-ewwel logħba tiegħu tal-istaġun ma’ Manchester City u kellu jistenna biss minuta u nofs biex jiftaħ l-iskor ma’ Fulham fl-Etihad Stadium — bil-gowl iwitti t-triq lejn rebħa komda, 3-0, għas-Citizens.

City – l-istess bħal Liverpool u Chelsea – għadhom ma tilfux f’dan l-istaġun, u r-riżultat qatt ma kien f’dubju wara li David Silva rdoppja qabel il-mistrieħ u b’Raheem Sterling jikkonkludi għal 3-0, kmieni fit-tieni taqsima.

Manchester United jidhru li ġejjin f’tagħhom, b’rebħa oħra, din id-darba għall-ispejjeż ta’ Watford, li b’hekk sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun wara bidu brillanti li fih kisbu erba’ rebħiet mill-ewwel erba’ impenji.

United ħarġu determinati għall-punti f’Vicarage Road u, fl-ewwel taqsima, irnexxielhom jiskurjaw darbtejn fi tliet minuti minn Lukaku u Chris Smalling. Wara l-mistrieħ, Watford xeħtu kollox fuq l-attakk iżda fl-aħħarnett, kellhom gowl wieħed biss x’juru għall-ispirtu u grinta li produċew fit-tieni 45 minuta. Il-konsolazzjoni waslet minn Andre Gray li rċieva mingħand Doucoure u sab is-saqaf tax-xibka b’xutt mal-ewwel. Fl-aħħar tal-logħba tkeċċa Nemanja Matic ta’ United wara li ntwera tieni safra għal fawl fuq Will Hughes.

Arsenal kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva, din id-darba għall-ispejjeż ta’ Newcastle United, biex ħallew lill-Geordies fl-aħħar postijiet tal-klassifika, b’punt wieħed biss u fejn għadhom mingħajr rebħa mill-bidu tal-istaġun.

Il-gowls fis-suċċess tal-Gunners waslu kollha fit-tieni taqsima, fejn Granit Xhaka skorja ġmiel ta’ freekick fid-49 minuta, u b’Mesut Ozil ( li kien qed jilgħab il-200 logħba tiegħu għal Arsenal) jagħmilhom tnejn wara siegħa logħob. Newcastle ippruvaw jagħmlu reazzjoni iżda setgħu biss inaqqsu l-marġni tal-iskor minn Clark fil-ħin miżjud.

Bournemouth komplew jimpressjonaw b’rebħa kbira fuq Leicester City, 4-2, fil-Vitality Stadium, u meta ċ-Cherries, issa, jinsabu fil-ħames post tal-Premier League kontra kull mistenni.

It-tim ta’ Eddie Howe fetaħ vantaġġ ta’ erba’ gowls sal-81 minuta u li waslu minn Ryan Fraser (19 u 37) u penalty ta’ Joshua King (41); b’Adam Smith iżid gowl ieħor tard fit-tieni taqsima wara li l-Foxes kienu tilfu lid-difensur, Morgan, li ntwera ħamra għal daħla kerha fuq King. Fl-aħħar ħinijiet, Leicester għamlu l-iskor aktar rispettabbli fejn skurjaw darbtejn – wieħed minn penalty ta’ Maddison (88) u bil-gowl l-ieħor jasal minuta wara minn Albrighton.

Wilfried Zaha irritorna fit-tim ta’ Crystal Palace għall-konfront ma’ Huddersfield Town fil-John Smith Stadium ,u fejn ipproduċa mument brillanti li ssarraf fi tliet punti prezzjużi għall-Eagles.

Il-gowl deċiżiv wasal fit-38 minuta, meta Zaha għadda bejn żewġ difensuri qabel għeleb lill-gowlkiper Jonas Lossl b’xutt qawwi, u għat-tieni rebħa ta’ Palace f’dan l-istaġun. Huddersfield għamlu li setgħu biex isalvaw ir-riżultat u marru viċin id-draw meta l-volley ta’ Aaron Mooy stampa mal-wieqfa, bil-gowlkiper Hennessey megħlub.