L-Uragan Florence, issa kien klassifikat għal maltempata tropikali u qed javvanza mir-reġjun tal-East Coast fost l-irwiefen u x-xita qliel u meta kien hemm possibbiltà kbira ta’ għargħar ‘katastrofiku’.
L-element ta’ periklu għall-ħajja hu wieħed qawwi meta saru effettivi t-twissijiet għall-evakwazzjoni ta’ aktar minn miljun ruħ mill-inħawi u l-komunitajiet li mistennija jaraw l-agħar tal-elementi.
Fl-aħħar sigħat, bdew telgħin il-livelli tal-baħar mal-kosta ta’ North Carolina, b’kelliema għan-National Hurricane Center iwissu li l-maltemp għandu jitqies bħala ‘ferm perikoluż għar-residenti’ minħabba l-volum kbir tax-xita li niżlet f’daqqa u l-elementi l-oħrajn tal-maltemp li qegħdin jolqtu f’daqqa u b’mod, ftit jew wisq, imprevedibbli.
L-akbar periklu ġej mill-potenzjal ta’ għargħar f’daqqa u fit-tul li kapaċi jkaxkar kollox hu u jilħaq il-partijiet ċentrali taz-zoni residenzjali. L-aktar nies li qed jissugraw ħajjithom huma r-residenti tal-inħawi qrib ix-xmajjar u z-zoni ‘il baxxi tar-reġjun.
Sadanittant, it-twissijiet jesiġu biex il-mijiet tal-eluf tar-residenti jabbandunaw il-kosta ta’ North u South Carolina u ta’ Virginia, b’’il fuq minn 12,000 persuna jirrikorru għax-xelters tal-emerġenza bħala ‘l-aħjar forma ta’ kenn u sostenn fiċ-ċirkustanzi’.
//= $special ?>




