Il-Belt Valletta imtliet kollha kuluri bil-bnadar tal-Pride Week hekk kif fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar bdiet il- Pride March, li hija meqjusa bħala l-qofol tal-Pride Week.
Din fl-okkażjoni ta’ ġimgħa sħiħa ta’ attivitajiet u ċelebrazzjonijiet b’messaġġi favur l-ugwaljanza fis-soċjetà, partikolarment għal persuni fil-komunità LGBTIQ+.
Mixja li ghaliha attendew diversi persuni – fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Adrian Delia, li kien akkumpanjat minn Deputati, kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u anke uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Fil-ħin li qattgħu hemm, huma ltaqgħu u tkellmu ma’ ħafna minn dawk preżenti.
L-għan ta’ din il-mixja hu biex jiġu mfakkra d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ u li kulħadd għandu d-dritt li jiġi meqjus indaqs. Mixja li tiċċelebra l-kuraġġ tan-nies li esprimew ruħhom fil-komunità filwaqt li tinkoraġġixxi nies li għadhom beżgħana juru l-individwalità vera tagħhom.
Din il-Pride March twassal ukoll diversi messaġġi dwar kif is-soċjetà għandha tkun aktar miftuħa biex tilqa’ nies b’orjentazzjoni sesswali u karratteristici ta’ ġeneru differenti u biex l-individwu ma jkunx beżgħan biex juri l-individwalità tiegħu fost oħrajn.
Fl-1 ta’ Settembru tal-2017 kien l-ewwel jum li fih koppji tal-istess sess setgħu jiżżewġu b’mod ċivili f’Malta. Malta kienet saret il-25 pajjiż fid-dinja, u l-15 fl-Ewropa, li introduċiet din it-tip ta’ liġi.
Il-Pride Week tispiċċa l-Ħadd waranofsinhar b’pool party ġewwa l-Aria Complex.