Sport Sport Ieħor

Valletta jiddominaw u jirbħu s-Super Cup tal-futsal

(Ritratt: Joe Borg/MFA)
Jegħlbu lit-tim tal-Università ta' Malta 13-1

Valletta fetħu l-istaġun tal-futsal bl-aħjar mod possibbli meta ddominaw u għelbu lit-tim tal-Università ta’ Malta 13-1. Il-Beltin b’hekk komplew bil-mixja pożittiva tagħhom, bil-logħba tingħalaq fl-ewwel taqsima wara li daħlu jistrieħu 9-0 minn fuq.

Il-Beltin mill-ewwel ikkontrollaw il-partita u bdew idawru l-ballun faċilment. Min-naħa l-oħra l-Universitarji dehru għall-ħinijiet twal statiċi u ftit li xejn setgħu jwettqu reazzjoni. Fl-ewwel taqsima l-Beltin skorjaw disa’ gowls minn doppjetta ta’ Camilo Gomez, tripletta ta’ Jovica Milijic, gowls ta’ Gia Nikvashvili, Dylan Musu u Shawn Vella flimkien mal-awtogowl tal-gowlkiper Jonathan Martinelli.

F’nofs it-tieni taqsima bi żball ta’ Daniele Degennaro l-ballun spiċċa fix-xibka u rregala l-għaxar gowl ta’ Valletta. Iżda minuta wara l-istess Degennaro skorja l-uniku gowl għall-Universitarji meta rċieva l-ballun tajjeb ħafna mingħand Daniel Borg.

Ħames minuti mit-tmiem Dylan Musu għaqqad ukoll doppjetta personali u għamel l-iskor parzjali 11-1, biex fl-aħħar minuta waslu żewġ ġowls oħra għal Valletta mingħand Denis Di Maio u Daniel Saliba li għamlu l-iskor finali ta’ 13-1.

Wara t-tisfira finali bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji ta’ Valletta flimkien mal-plejers, bil-captain Melvin Borg jgħolli t-trofew tas-Super Cup. Wara dan is-suċċess, Valletta jkomplu jippreparaw biex fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru jilagħbu fis-Slovakkja fir-Rawnd Prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League.

Tags