Internazzjonali

Arrestat wara attakk fatali fix-Xatt tal-Punent

L-awtoritajiet tas-sigurtà Iżraeljani arrestaw Palestinjan li kien ħebb għal raġel Iżraeljan ġo kumpless tas-sigurtà u tah daqqiet ta’ sikkina fatali. L-aggressur, imbagħad, spiċċa midrub minn ċivili armat li fetaħ in-nar fuqu, u qabel laħqu intervjenew il-qawwiet tas-sigurtà.

Il-vittma tal-attakk, li kellu 45 sena, iddaħħal b’urġenza l-isptar, fejn it-tobba ddikjarawh mejjet ftit tal-ħin wara.

Il-vjolenza seħħet barra r-residenza ta’ Gush Etzion għal-Lhud, bir-rapporti jgħidu li l-aggressur kien ipprova jaħrab dritt wara l-attakk u fejn spiċċa segwit minn xi Iżraeljani armati. Intant, il-Palestinjan spiċċa fl-art wara li ntlaqat minn tir li sparalu wieħed mill-Iżraeljani u dan, bħalissa, qed qiegħed jgħin l-istħarriġ tal-pulizija.

L-attakki tal-Palestinjani fuq l-Iżraeljani fit-toroq ilhom għaddejjin mill-2015 – is-sena ta’ wara li kkrollaw it-taħditiet għall-paċi fir-reġjun.