It-Tifun Mangkhut kompla javvanza mill-Filippini għaċ-Ċina, bil-maltemp aħrax jolqot il-provinċja ta’ Guangdong li hi l-akbar waħda Ċiniża f’termini ta’ residenza.It-tifun — fost l-aktar qattiela fi żmenijiet moderni — tella rwiefen b’veloċità ta’ aktar minn 160 kilometru u li l-qawwa tagħhom riegħdet anki s-skyscrapers fl-art ta’ Hong Kong.
Intant, rapporti mill-Filippini qalu li l-mejtin mill-maltemp ta’ ‘Mangkhut’ qabżu l-ħamsin, bil-parti kbira jmutu fost għargħar ikkaġunati mix-xita qliel fiz-zona. L-effett kien l-akbar fir-reġjuni ta’ Cordillera u Nueva Vizcaya, bl-istraġi fil-mezzi għall-komunikazzjonijiet qed jirrendu s-sitwazzjoni fil-Filippini bħala ‘aktar imċajpra’.
It-Tifun Mangkhut, dalgħodu, laqat il-kosta Ċiniża viċin il-belt ta’ Jiangmen, b’eluf jispiċċaw evakwati minn Guangdong. Dan waqt li l-awtoritajiet lokali ħarġu l-ogħla livell ta’ allert possibbli għar-residenti, l-istess bħal f’Hong Kong, fejn ir-residenti kienu mwissija biex ma joħorġux minħabba ‘l-oġġetti li kienu qed itiru ma kullimkien’.
Il-midruba f’Hong Kong skorrew il-mija u waqt li it-territorju ma ntlaqatx direttament mill-agħar elementi, numru ta’ toroq spiċċaw mifqugħin bl-għargħar.
Il-parti kbira tal-ħwienet u servizzi pubbliċi ma fetħux f’Hong Kong, b’mijiet ta’ titjiriet jisfaw ikkanċellati fl-ajruport internazzjonali tat-territorju, b’dan jaffettwa ‘il fuq minn 100,000 passiġġier.
Sadanittant, il-casinos fit-territorju ta’ Macau ( qrib Hong Kong) kienu ordnati biex jagħlqu għall-ewwel darba fl-istorja, minħabba l-periklu tal-maltemp.
It-Tifun Mangkhut, fi tmiem il-ġimgħa, għadda mill-gżira ta’ Luzon b’riżultati katastrofiċi u fejn ‘il fuq minn 100,000 kellhom ifittxu l-kenn fix-xelters temporanji. Sadanittant, hemm tħassib kbir dwar ‘l-impatt ekonomiku’ tat-tifun għall-Filippini minħabba l-ħsarat estensivi għall-art fil-provinċja ta’ Cagayan; li hi zona agrikola ewlenija.
//= $special ?>

