Lokali

FILMAT: Iwieġeb mhux ħati li qatel lis-sieħba tiegħu

Il-katavru tal-omm ta' sitt itfal instab lbieraħ kmieni filgħodu, b'għonqha mbenġel

Raġel ta’ 28 sena wieġeb mhux ħati meta tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil tas-sieħba tiegħu – mara ta’ 35 sena, u omm ta’ sitta.

L-akkużat Michael Emmanuel ta’ nazzjonalita mill-Kosta tal-Ivorju, ġie arrestat ilbieraħ b’rabta mal-qtil tas-sieħba tiegħu Maria-Lourdes Agius. Il-koppja kienu ilu jgħixu flimkien għal dawn l-aħħar tliet snin, u flimkien kellhom tliet itfal. Filfatt, il-vittma weldet l-aħħar tarbija tagħha ftit tal-ġimgħat ilu.

Il-katavru tal-vittma instab kmieni s-Sibt filgħodu, bi tbenġil estensiv ma’ għonqha. Skont dak li ġie żvelat, l-investigaturi mhumiex jeskludu li l-każ hu marbut ma’ vjolenza domestika hekk kif jidher li hemm passat ta’ diversi rapporti dwar dan.

Dwar l-allegat qtil u r-rabta mal-vjolenza domestika, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, semgħet kif l-akkużat f’numru ta’ okkażjonijeit f’dawn l-aħħar xhur wettaq abbuż fiżiku u mentali fuq is-sieħba tiegħu u anke fuq omm l-istess vittma, mara ta’ 64 sena.

F’isem il-prosekuzzjoni, James Grech mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, żied jgħid li dakinhar tal-allegat qtil, l-akkużat Michael Emmanuel ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija wkoll.

Flimkien ma’ dawn l-akkużi, il-prosekuzzjoni talbet li l-akkużat jinstab ħati wkoll ta’ ksur tal-Att dwar l-Immigrazzjoni u anke li kellu fil-pussess tiegħu karta tal-identità Griega u liċenzja tas-sewqan foloz.

F’isem l-akkużat, deher l-avukat Michael Scriha li ma kkontestax l-arrest.

Michael Emmanuel inżamm arrestat.

Skont dak li ġie rrappurtat f’diversi gazzetti, fosthom il-gazzetta il-mument, sa minn kmieni filgħodu fil-jum tad-delitt, il-Pulizija kienet imsejħa fir-residenza tal-koppja minħabba ġlied bejn l-istess koppja u bil-ġirien jisimgħu għajjat u storbju kaġun ta’ vjolenza domestika.

Eventwalment meta l-Pulizija marret fil-post mhux biss sabet lil Lourdes Agius mejta, iżda wkoll lis-sieħeb tagħha li kien arrestat minnufih b’rabta ma’ dan id-delitt.

Fil-post tad-delitt issejjaħ ukoll Tabib li ċċertifika lil Lourdes Agius mejta u f’għonqha nstabu wkoll diversi marki kompatibbli ma’ xi ħadd li fgaha. Dan kollu kien konfermat aktar tard meta fl-Isptar Mater Dei saret l-awtopsja fuq il-katavru li minnha rriżulta li l-mara nqatlet fgata. Barra minhekk fuq il-katavru tal-mara nstabu wkoll diversi marki ta’ tbenġil, fosthom f’daharha u marki oħrajn li juru li l-mara ssarrat ma’ l-agressur tagħha.

Jirriżulta li kienet omm din il-vittma li sabet lil bintha mejta fuq is-sodda tagħha hekk kif marret fid-dar minħabba l-għajjat li kien qed jinstema’ minn barra. Fil-post issejħu mill-ewwel il-Pulizija tad-Distrett u dak tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) li bdew bl-istħarriġ tagħhhom.

AĠĠORNATA: Mara tinstab mejta; Is-sieħeb tagħha jinżamm arrestat