“Se nkunu qegħdin negħlbu l-isfidi quddiemna bil-kuraġġ u bil-konvinzjoni, se nressqu pjan fit-tul u viżjoni ċara fejn se noffru Gvern alternattiv bin-nies fiċ-ċentru tal-politika.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt diskussjoni politika fuq il-Fosos tal-Floriana waqt il-festi tal-Indipendenza, u f’għeluq l-ewwel sena minn meta ġie elett Kap tal-partit.
Dr Delia qal li matul din l-aħħar sena, il-partit għadda minn proċess ta’ tiġdid, b’ħidma li ma qatgħet xejn. Din il-ħidma wasslet biex tħabbar l-ewwel grupp ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u mal-200 kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’Mejju li ġej. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista huwa mibni fuq il-valuri, li sawwruh matul is-snin u li dejjem poġġew lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika.
Adrian qal li matul iż-żminijiet, il-Partit Nazzjonalista kien il-partit li xpruna l-ġlidiet għal-libertà, iżda llum il-ġurnata l-Gvern Laburista qed jhedded il-libertà tal-espressjoni, li tkun tista’ tesprimi ruħhek mingħajr biża. Huwa qal li l-Indipendenza hija l-festa tal-Maltin kollha għaliex hija t-twelid tan-nazzjon u għalhekk għandna nwarrbu l-politika tal-firda u tal-mibgħeda u minflok niċċelebraw flimkien dak li kapaċi nagħmlu bħala poplu wieħed. Il-Kap qal li għalhekk il-viżjoni li għandu għal Malta hija li jkollna soċjetà li jimpurtaha.
Il-Kap tal-PN qal li mill-Oppożizzjoni, matul din l-aħħar sena, il-Partit Nazzjonalista tkellem fuq il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ governanza tajba fosthom il-kuntratt li bih il-Gvern ta tliet sptarijiet lil Vitals li ma kellhom l-ebda esperjenza fis-settur mediku. Huwa qal li l-Oppożizzjoni qed tiddefendi d-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni bir-riskors Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali, li qed iwaqqaf lill-Kap tal-Oppożizzjoni milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu skont il-Kostituzzjoni meta jibqa’ ma jagħtihx kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fuq il-viżjoni ta’ soċjetà li jimpurtaha, jeħtieġ li nfasslu pjan fit-tul għal pajjiżna. Dan għaliex il-Gvern Laburista m’għandux pjan f’bosta oqsma fosthom l-ambjent, is-saħħa mentali u l-immigrazzjoni. Huwa qal li fl-aqwa żmien il-Gvern Laburista abbanduna r-ruħ soċjali u filwaqt li n-nies qed joħolqu l-ġid, l-Gvern qed joħloq il-faqar. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jinqata’ minn man-nies u se jibqa’ jisma’ lil kulħadd. Huwa qal li l-bibien tad-Dar Ċentrali se jibqgħu miftuħon beraħ għaliex il-politiċi għandhom ikunu hemm biex jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.
//= $special ?>