Lewis Hamilton kiseb rebħa importanti fit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat meta rebaħ il-Grand Prix ta’ Singapore. B’din ir-rebħa hu kompla jkabbar il-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa għal 40 punt, b’żewġ rebħiet konsekuttivi li fihom kienu mistennija riżultati aħjar minn Ferrari.
Għal Hamilton din kienet ir-raba’ rebħa tiegħu f’dan iċ-ċirkwit, id-69 rebħa fil-karriera, is-seba’ rebħa f’dan l-istaġun u r-raba’ rebħa fl-aħħar ħames tiġrijiet, xhieda tad-dominju li kellu fl-aħħar tiġrijiet.
Max Verstappen spiċċa fit-tieni post għal Red Bull, bl-isfidant Sebastian Vettel ikollu jikkuntenta bit-tielet post għal Ferrari. Valtteri Bottas daħal fir-raba’ post fuq it-tieni karozza tal-Mercedes, segwit minn Kimi Raikkonen tal-Ferrari u Daniel Ricciardo tar-Red Bull.
Distakkati minnhom, Fernando Alonso spiċċa fis-seba’ post għal McLaren, b’Carlos Sainz (Renault), Charles Leclerc (Sauber) u Nico Hulkenberg (Renault).
Il-kampjonat fadallu sitt tiġrijiet oħra, bit-tiġrija li jmiss issir f’Sochi fir-Russja fit-30 ta’ Settembru.
//= $special ?>