Futbol Sport

Ħamrun Spartans jirbħu wara taqsima bi plejer aktar

(Ritratt: Domenic Aquilina)

ĦAMRUN S……………………………….. 1   ST. ANDREWS………………………….. 0

Ħamrun: M. Bartolo, A. Monticelli, E. Pepe, T. Caruana, S. Nayar, M. Ganci (R. Vella 90’), M. Gauci, N. Doding Priso (B. Schembri 80’), K. Micallef, C. Calil, K. Tulimieri (R. Darmanin 68’)

St. Andrews: M. Calleja Cremona, A. Satariano, R. Martin (L. Sciberras 62’), T. Blagrove, K. Atkinson, K. Reid, J. Farrugia, A. Borg, A. Brown, M. Davis (K. Mcfarlane 46’), K. Magro

Imwissija: R. Martin 18’, A. Brown 28’, K. Magro 90’ (S) K. Micallef 25’ (Ħ)

Tkeċċa: A. Brown 39’ (S)

Skorja: M. Ganci 83’ (Ħ)

Referee: Etienne Mangion

Assistenti Referees: Christopher Francalanza, Mitchell Scerri

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Massimo Ganci (Ħamrun Spartans)

Rapport: Keane Cutajar

Ħamrun irritornaw għar-rebħ f’partita li fiha kienu dominanti iżda rari perikolużi fejn lagħbu aktar minn nofs il-logħba bi plejer aktar. Kien biss fl-aħħar parti tal-partita li rnexxielhom jitfgħu fix-xibka l-gowl li ħalliehom b’żewġ rebħiet u mingħajr telfa sa issa dan l-istaġun.

Għat-tim ta’ St. Andrews din kienet it-tieni telfa konsekuttiva dan l-istaġun, f’logħba li fiha forsi ħassew in-nuqqas ta’’ Jason Vandelannoite f’nofs id-difiża, li ma għadux jagħmel parti mill-klabb.

L-ewwel taqsima kienet dominata minn Ħamrun meta tħares lejn il-pussess tal-ballun iżda fl-aħħar terz tal-grawnd naqsu li jkunu perikolużi biżżejed.

Fl-istess taqsima, kull azzjoni tal-Ispartans spiċċat mblokkata mit-tim ta’ St. Andrews jew inkella spiċċat f’goal kick għaliex l-aħħar xutt qatt ma kien kif xtaqu, b’Matthew Calleja Cremona rari jkun impenjat, ħlief għal azzjoni ta’ kontrattakk li fiha kien pront ħareġ barra minn postu jtajjar.

L-unika azzjoni denja lejn il-lasti fl-ewwel 45 minuta waslet minn naħa ta’ St. Andrews wara sitt minuti meta Kemar Reid ittanta xortih minn barra l-kaxxa, xutt li kien salvat b’faċilità minn Manuel Bartolo. Fid-39 minuta, il-Vjola komplew jagħmluha diffiċli għalihom infushom meta tkeċċa Amoy Brown fuq it-tieni karta safra wara daħla kerha fuq Kevin Tulimieri.

Calleja Cremona kien attent dawwar f’korner il-free-kick dirett ta’ Sebastian Nayar fil-55 minuta. Mill-korner, il-ħomor u suwed naqsu li jkunu perikolużi. Erba’ minuti wara, azzjoni personali ta’ Reid li għadda minn ma’ żewġ difensuri fil-kaxxa biex għamel spazju għalih innifsu, waslet għal xutt li iżda kien faċli għal Bartolo.

Il-gowl tal-logħba wasal fit-83 minuta meta l-ballun waqa’ f’saqajn MASSIMO GANCI li venven fix-xibka, wara free-kick ta’ Nayar li kien mtajjar mill-gowlkiper tal-Vjola.