L-awtoritajiet fl-Istati ta’ North u South Carolina wissew li r-residenti ‘għad iridu jaraw l-agħar effetti’ tal-maltempata mlaqqma ‘Florence’ li ilha taħkem għall-jiem fl-inħawi u li kienet responsabbli għal mill-anqas tnax il-mewta.
‘Florence’ mgħadx għandha l-livell tal-uragan iżda qed tikkaġuna xorta xita qliel ‘storiċi’, bil-maltemp qed javvanza minn North għal South Carolina. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-US National Hurricane Center qed jistenna ‘għargħar f’daqqa u katastrofiku’ b’kaġun tal-volum tax-xita bla rażan għal diversi provinċji.
Il-maltemp, issa, qed javvanza lejn il-Punent tal-Istati Uniti, bl-osservaturi jistennew li ‘l-elementi, ‘il quddiem, jduru fid-direzzjoni ta’ Ohio’.
Dan meta l-għargħar mix-xmajjar għandhom ikomplu tul medda ta’ territorju fiż-żewġ Stati ta’ Carolina. Fil-fatt, il-Gvernatur ta’ North Carolina, Roy Cooper, qal li s-sitwazzjoni tant kienet drastika li ‘l-inżul tax-xita għal ċerti bnadi seta’ ikun imkejjel bil-piedi aktar milli bis-sistema tal-pulzieri’.
Intant, l-awtoritajiet fil-belt ta’ Fayetteville, f’North Carolina, ħarġu direttivi lir-residenti viċin tax-xmajjar biex jevakwaw, fost stennija għal livelli ta’ għargħar rekord fl-inħawi.
Id-direttivi kienu ‘sagrosanti’ meta l-potenzjal għal telf ta’ ħajja kien għoli ħafna.
Is-Sindku ta’ Fayetteville, Mitch Colvin, għamilha ċara li ‘l-agħar tal-maltemp kellu jasal’ waqt li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, iddikjara sitwazzjoni ta’ diżastru fi tmien counties ta’ North Carolina. Din id-dikjarazzjoni għandha tgħin għall-finanzjament u sostenn federali għaz-zoni li ġarrbu l-agħar effetti tal-maltempata ‘Florence’.
//= $special ?>

