Minn għada, il-UĦM Voice of the Workers se tintroduċi direttivi lill-ħaddiema tal-kuntrattur abbord il-vapur Gozo Channel.
Fl-istqarrija li fiha tħabbru dawn l-azzjonijiet industrijali, sar stabbilit li dawn l-impjegati li se josservaw l-azzjonijiet industrijali jaħdmu fil-gradi ta’ cabin attendants u baħrin. Il-union spjegat li eżatt bħal dawn il-ħaddiema hemm ukoll impjegati mal-Gozo Channel stess li għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol ferm differenti.
Il-UĦM Voice of the Workers qalet li qed tieħu azzjoni biex tgħin lill-ħaddiema tal-kuntrattur li spiċċaw imorru kuljum għax-xogħol delużi u b’qalbhom maqtugħa li xi darba ssir ġustizzja magħhom.
Il-każ kellu jiġi eskalat sa quddiem id-Direttur tax-Xogħol permezz ta’ tilwima industrijali b’laqgħa uffiċjali. Il-Union qalet li sfortunatament, minn ġimgħatejn ilu sal-lum ma nħarġet l-ebda risposta u konklużjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn l-impjegati.
Għalhekk il-UĦM ordnat direttivi sabiex il-cabin attendants ma jnaddfux il-kmamar tat-toilets abbord, filwaqt li l-baħrin ma jorbtux il-vapuri mal-moll u ma jinżlux fil-garaxxijiet.
Din il-union se tibqa’ għaddejja bid-direttivi sakemm is-sitwazzjoni tissolva u l-membri jingħataw dak li ilhom jissieltu għalih – biex min jagħmel l-istess xogħol jingħata l-istess kundizzjonijiet.
//= $special ?>