Sport Sport Ieħor

Ronnie O’Sullivan jirbaħ il-Masters ta’ Shanghai

(Ritratt: World Snooker)
Fil-finali rebaħ 11-9 kontra Barry Hawkins

Ronnie O’Sullivan għeleb lil Barry Hawkins 11-9 biex rebaħ il-finali tal-Masters ta’ Shanghai. Fis-sessjoni ta’ filgħodu, O’Sullivan kien minn taħt 6-4 iżda rnexxielu jirkupra fi tmiem eċċitanti. ‘The Rocket’ ma ħafirx meta kien 10-9 minn fuq, hekk kif Hawkins ma setax jisfida lill-avversarju.

O’Sullivan kiseb l-ewwel rebħa f’tournament wara l-waqfa tas-sajf, u żamm it-trofew tal-Masters ta’ Shanghai li rebaħ sena ilu, filwaqt li rebaħ kważi €225,000. Dan kien is-sitt tournament mirbħu fi 11-il xahar għal O’Sullivan, li għal darba oħra wera l-kapaċità tiegħu f’tournament prestiġjuż.

L-Ingliż ta’ 42 sena kien 6-4 minn taħt fl-intervall, b’Hawkins jirnexxielu jagħmel żewġ ċentenarji fl-ewwel sessjoni. Hawkins li għeleb lil Din Junhui 10-9 fis-semifinali, fetaħ b’ċentenarju ta’ 125 fil-frame tal-ftuħ. Hu kiseb it-tieni frame wkoll, qabel O’Sullivan wieġeb bi break ta’ 85. Iżda ċentenarju ta’ 132 wassal biex mar minn fuq f’dak li kien l-ewwel frame minn tlieta li rebaħ fl-aħħar erba’ frames tal-ewwel sessjoni.

Iżda O’Sullivan għamel breaks ta’ 64, 61, 56 u 113 biex rebaħ l-ewwel erba’ frames tat-tieni sessjoni. Hu rebaħ sitta mis-seba’ frames biex mar 10-7 minn fuq, iżda Hawkins issielet biex naqqas id-distakk għal 10-9. Iżda mal-ftuħ tal-20 frame, Hawkins ħalla boċċa ħamra tidher meta fetaħ u O’Sullivan għamel ċentenarju ieħor biex assigura t-titlu.

Tags