Internazzjonali

Sejħa għal vot ieħor dwar il-Brexit

Is-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan, sejjaħ biex isir tieni referendum dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, fejn ikkritika l-mod kif il-Gvern tal-Prim Ministru Theresa May qed imexxi n-negozjati dwar il-Brexit ma’ Brussell.

Khan, politiku tal-Partit Laburista Britanniku, kiteb artiklu f’The Observer fejn iddettalja s-sitwazzjoni tar-Renju Unit li qed jaħseb biex jispiċċa minn membru tal-Unjoni fi żmien sitt xhur.

Hu għamilha ċara li l-pajjiż, illum, qed jiffaċċja l-possibbiltà ta’ ‘ftehim (ma’ Brussell) li jolqtu ħażin’ inkella li ma jsir l-ebda ftehim għall-futur. Dan fost twissija ċara li ‘dawn il-possibbiltajiet huma riskjużi ferm għar-Renju Unit’.

Khan kompla li d-dibattitu dwar ‘il-futur’ qed ixaqleb aktar lejn ‘l-ambizzjonijiet politiċi ta’ (l-eks Segretarju għall-Affarijiet Barranin) Boris Johnson milli dak li hu tajjeb għar-Renju Unit. Intant, il-kummenti tiegħu imorru konra l-politika tal-Laburisti fl-Oppożizzjoni li jridu li r-riżultat tar-referendum tal-2016 ikun irrispettat u li ‘jibqgħu miftuħa l-għażliet kollha’ f’każ li l-Parlament Britanniku ma jasalx fi ftehim ma’ Brussell.

Il-Prim Ministru May qed tgħid li tieni referendum dwar il-Brexit għandu ‘jitradixxi d-demokrazija għall-Britanniċi’, iżda Khan esprima ‘l-allarm tiegħu dwar il-mod kaotiku kif Londra qe tiffaċċja n-negozjati mal-UE, u li qed jirriżulta fi staġnar u konfużjoni’.

Sadanittant, iż-żmien qed jagħfas għar-Renju Unit biex jikkonkludi ftehim finali mal-UE qabel Marzu li ġej, b’Khan qed isostni li ‘il-Prim Ministru May mgħandhiex mandat biex tażżarda l-futur tal-ekonomija tar-Renju Unit u l-għajxien tal-ħaddiema Britanniċi’.