Hekk kif qed jiġi mfakkar l-ewwel sena anniversarju minn meta Adrian Delia ħa f’idejh it-tmun tal-Partit Nazzjonalista, bosta ġurnali ddedikaw uħud mill-paġni tagħhom sabiex ifakkru t-tnax-il xahar tiegħu f’dan l-irwol.
F’uħud mill-intervisti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lil dawk kollha li għadhom xettiċi dwaru sabiex javviċinawh u jibnu djalogu bejniethom. Mal-ġurnal The Malta Independent insista li hemm bżonn li wieħed jirrealizza li hemm ħafna affarijiet li huma in komuni mal-persuni li għal xi raġuni jew oħra għadhom jinsabu ‘l bogħod mill-PN. Huwa saħaq li d-differenzi għandhom jiġu solvuti grazzi għall-ħidma u d-diskussjoni, iżda jinsab konxju li lkoll kemm aħna rridu nimxu f’direzzjoni waħda – hekk kif inħadnu l-istess valuri.
Adrian Delia spjega li impossibli li wieħed jaqbel f’kollox madanakollu sostna li l-prijoritajiet huma dak kollu li jgħaqqadna – mużajk ta’ xogħol li għandna nibnu flimkien.
F’intervista separata mal-gazzetta il-mument, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li tul dawn l-aħħar tnax-il xahar meta tkellem man-nies, lkoll kemm huma jistqarru li għaddejjin minn diversi diffikultajiet – fosthom li ma humiex ilaħqu mal-għoli tal-ħajja u anke dwar uliedhom, li qed jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija u xorta mhux qed ilaħqu. Semma wkoll il-problema tal-kiri li qed tifni lil diversi koppji minn ta’ kull età. Adrian Delia insista li l-obbligu tal-Gvern huwa li jferrex il-ġid u minflok, għandna Gvern li qed joħloq il-faqar.
Adrian Delia saħaq li onestament il-Partit Nazzjonalista għadu ma wasalx fil-post mixtieq iżda insista li l-Partit mhux maqsum daqs kif ipinġieh il-Partit Laburista. Il-Kap tal-PN sostna li huwa responsabbiltà ċara tiegħu li jikkonvinċi lil dawk li għadhom ma jafux xi jsarraf. Huwa saħaq li xogħolu huwa li jkompli jsaħħaħ lill-Partit Nazzjonalista u lest li jaħdem ma kull min jixtieq jaħdem miegħu sabiex il-poplu jerġa’ jersaq viċin il-Partit.
Dan filwaqt li f’intervista mal-ġurnal Maltatoday, Adrian Delia insista li l-elezzjoni għall-membri parlamentari ewropej ser tkun il-bidu ċar fejn il-pubbliku ser jara l-bidla tal-Partit Nazzjonalista.
Intant f’għeluq is-sena mill-ħatra ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Net Television ħejja dokumentarju b’intervisti esklussivi man-nies l-iktar qrib ta’ Adrian Delia.
Dan id-dokumentarju se jixxandar illum, 16 ta’ Settembru, fit-8:15 ta’ filghaxija.