Futbol Sport

Tasal l-ewwel rebħa għal West Ham

(Ritratt: Premier League)
Ikompli l-bidu pożittiv ta' Wolves fil-Premier League

Wara erba’ telfiet konsekuttivi waslu l-ewwel punti u l-ewwel rebħa għal West Ham li f’Goodison Park għelbu lil Everton 3-1.

Andriy Yarmolenko fetaħ l-iskor wara tliet minuti meta rċieva mingħand Marko Arnautovic u skorja mill-viċin. L-istess plejer irdoppja l-iskor man-nofs siegħa logħob meta b’azzjoni personali daħal fil-kaxxa, ġibeda għan-nofs u b’xutt għar-rokna għeleb lil Jordan Pickford.

Everton daħlu fil-logħba eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Gylfi Sigurdsson daħal tajjeb għal kross mil-lemin u għeleb lil Lukasz Fabianski b’daqqa ta’ ras perfetta.

West Ham għalqu l-logħba fil-61 minuta meta Pedro Obiang qassam fil-kaxxa lejn Marko Arnautovic li mattar siequ biex għeleb lil Pickford.

F’logħba oħra, Wolves komplew il-bidu pożittiv tagħhom meta din id-darba għelbu f’darhom 1-0 lil Burnley. Wolves issa għandhom tmien punti fil-klassifika, filwaqt li Burnley baqgħu ankrati fil-qiegħ b’punt.

Il-gowl deċiżiv wasal fil-61 minuta meta Matt Doherty krossja mil-lemin għan-nofs lejn Raul Jimenez li b’xutt mill-ewwel fil-baxx għar-rokna għeleb lil Joe Hart.