Futbol Sport

Tasal l-ewwel rebħa taċ-Champions

(Ritratt: Domenic Aquilina)

BIRKIRKARA………… 0   VALLETTA……………. 3

Birkirkara: K. Naumovski, D. Chapoval, M. Andelkovic, P. Fenech, K. Zammit (J. Grech 82’), E. Ferreira Dos Santos, M. Mifsud, T. Agius (E. Herrera 86’), M. Franca De Siqueira, U. Calistus, M. Basrak (M. Beerman 72’)

Valletta: H. Bonello, S. Borg, R. Camilleri (J. Caruana 90’), S. Malano, M. Picciolo, E. Pena Beltre, J. Zerafa, R. Muscat, M. Alba (B. Gavrila 80’), B. Kaljevic (K. Nwoko 73’), M. Fontanella

Imwissija: M. Basrak 40’, M. Mifsud 57’, U. Calistus 77’ (B) E. Pena Beltre 67’ (V)

Skorjaw: B. Kaljevic 55’, M. Fontanella 81’, B. Gavrila 83’ (V)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Thomas Debono

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Joseph Zerafa (Valletta)

Attendenza: 2,576

Rapport: Keane Cutajar

Wara li fetħu l-istaġun fuq nota negattiva, Valletta akkwistaw l-ewwel rebħa tal-istaġun għad-danni ta’ Birkirkara li minn naħa tagħhom sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun. Il-logħba kienet pjuttost bilanċjata u kien biss lejn l-aħħar li t-tim ta’ Danilo Doncic issupera lil dak ta’ Paul Zammit.

Il-gowlkiper ta’ Birkirkara kellu logħba tajba meta tara l-ammont ta’ saves li ġab, bl-ebda gowl ma jkun it-tort tiegħu, kif l-istess kellu Terence Agius li apparti x-xogħol siewi tiegħu fl-attakki Karkariżi, żamm lil Rowen Muscat b’mod stupend li ftit li xejn deher fil-partita.

Fuq in-naħa ta’ Valletta, bla dubju spikkat il-prestazzjoni ta’ Joseph Zerafa u d-debutt ta’ Bojan Kaljevic.  Fl-aħħar ħinijiet tal-logħba, irritorna u libes il-faxxa tal-captain, Jonathan Caruana wara nuqqas ta’ kważi sena u nofs.

Birkirkara resqu viċin wara sitt minuti, meta Terence Agius ltaqa’ ma’ kross mil-lemin iżda kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu mblokkat f’korner mid-difiża ta’ Valletta. Man-nofs siegħa logħob Paul Fenech sab ruħu b’ċans ta’ xutt minn barra l-kaxxa fejn prova jqabbeż minn fuq Henry Bonello iżda l-gowlkiper dawwar l-ballun f’korner minn fuq il-lasta.

Fis-36 minuta, Bojan Kaljevic niżżel bir-ras lejn Mario Fontanella li żmarkat waħdu ma’ Naumovski ma rnexilux jitfa’ fix-xibka bil-gowlkiper ikun tajjeb ferm li mblokkalu.

Valletta fetħu l-iskor fil-55 minuta permezz ta’ BOJAN KALJEVIC li għola waħdu bir-ras wara kross mil-lemin biex skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk abjad fl-ewwel dehra tiegħu mal-klabb.

MARIO FONTANELLA għamilhom tnejn fil-81 minuta meta Birkirkara naqsu li jbiegħdu l-periklu mill-korner kif xtaqu biex Valletta rebħu l-ballun lura f’nofs il-grawnd qabel kien żmarkat it-Taljan li waħdu quddiem Naumovski ma żbaljax. Żewġ minuti wara, il-Beltin għalqu l-partita bit-tielet gowl tagħhom jasal mis-sostitut BOGDAN GAVRILA li sab ruħu f’pożizzjoni komda fil-kaxxa u b’faċilità xeħet ġewwa.