Lokali

1963: Sena ta’ ġirja lejn il-kisba tal-Indipendenza (3)

Kitba ta’ Joe M. Zahra f’In-Nazzjon

Il-ħidma li l-Gvern kien qed iwettaq biex isaħħaħ l-ekonomija tal-pajjiż bl-ebda mod ma begħditu mill-mira ewlenija tiegħu: dik li jagħmel minn pajjiżna stat sovran.

L-Attorney General, il-Professur J.J. Cremona, kien ingħata l-inkarigu li jabbozza kostituzzjoni ġdida għal Malta Indipendenti. Il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier kien jiltaqa’ minn żmien għal ieħor mal-Professur Cremona, kif hu rrappurtat li għamel fil-5 ta’ April u l-25 ta’ Mejju 1963, biex jirrevedi l-progress li kien qed isir. Fis-27 u t-28 ta’ Mejju l-abbozz tal-kostituzzjoni l-ġdida kien diskuss mill-Kabinett.

Ġorġ Borg Olivier ma ħeliex żmien! Fit-12 ta’ Ġunju 1963 ħabbar fil-Parlament li bħala l-ewwel pass lejn l-organizzazzjoni ta’ konferenza f’Londra dwar l-Indipendenza ta’ Malta ġie ppreparat abbozz dwar kostituzzjoni ġdida li kellu jiġi diskuss sew f’Malta kif ukoll f’Londra. Hu qal li Malta kellha tkun indipendenti fil-Commonwealth, li l-kostituzzjoni kellha tkun waħda monarkika, li kienet intenzjonata li tipprovdi gvern tal-poplu elett mill-poplu taħt is-sistema proporzjonali li kienet ilha treġi mill-1921.

Il-Prim Ministru qal li l-kostituzzjoni tipprovdi għal ċittadinanza Maltija, il-protezzjoni tad-drittijiet individwali tal-bniedem, kontroll parlamentari tal-finanzi u poteri biex ikun salvagwardat in-nazzjon. Il-kostituzzjoni tiżgura wkoll l-indipendenza tal-Ġudikatura u għat-twaqqif ta’ Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, imparzjali u indipendenti.

Abbozz tal-Kostituzzjoni
Fl-20 ta’ Ġunju l-Prim Ministru għadda kopja tal-abbozz tal-Kostituzzjoni tal-Indipendenza lill-mexxejja tal-partiti, iltaqa’ magħhom u kkonsultahom dwar it-taħditiet li kellhom isiru f’Malta dwar il-kostituzzjoni l-ġdida. Ġimgħa wara bdew taħditiet fl-Auberge d’Aragon bejn rappreżentanti tal-Gvern u l-partiti politiċi taħt il-presidenza tal-Prim Ministru fejn tkellmu dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura li kellha tiġi adattata fil-konferenza ta’ Londra li kellha ssir dwar l-Indipendenza ta’ Malta.

Hawn wieħed irid iqis taħt liema dellijiet kien qed jaħdem il-Gvern Malti. Il-Partit Laburista kien favur l-indipendenza, iżda kif ried hu. Il-partiti ż-żgħar kienu kontra l-Indipendenza għax kienu jibżgħu li Malta ssir xi Kuba oħra. Sintendi, kien hemm ukoll kwistjonijiet reliġjużi b’Mintoff irid idaħħal fil-kostituzzjoni l-famużi sitt punti u l-partiti l-oħrajn kollha favur li l-Knisja Kattolika tingħata l-istatus li jixirqilha fil-Kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti.

Fl-istess xahar żar Malta Duncan Sandys, is-Segretarju tal-Istat għar-Relazzjonijiet tal-Commonwealth u l-Kolonji fejn kellu taħditiet mal-Prim Ministru u mal-mexxejja tal-partiti politiċi. Wara t-taħditiet dwar l-Indipendenza u l-problema ekonomika Sandys ħabbar li l-Gvern Ingliż kien qabel li jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-Gvern Malti 30 miljun lira Sterlina f’għotjiet u self għal pjan ta’ ħames snin li kien fis-seħħ. Tħabbar ukoll li l-konferenza dwar l-Indipendenza ta’ Malta kienet se tinżamm f’Londra f’Lulju.

Konferenza f’Marlborough House f’Londra
Fis-16 ta’ Lulju fetħet f’Marlborough House f’Londra l-konferenza dwar l-Indipendenza ta’ Malta. Il-Prim Ministru telaq lejn Londra jmexxi delegazzjoni tal-Gvern Malti u tal-Partit Nazzjonalista fit-13 ta’ Lulju. Folla entużjasta ta’ partitarji Nazzjonalisti akkumpanjajna lill-Prim Ministru u d-delegazzjoni li kien imexxi b’kartelluni u bnadar Nazzjonalisti minn fuq it-tarmak sal-ajruplan.

Dawk l-okkażjonijiet ma kontx nitlifhom, sew għax kont nirrapporta dak li kien jiġri għall-ġurnal ‘Il-Poplu’, u anke għax kont inħoss li m’għandix nonqos. Kienu wkoll l-okkażjonijiet li kont niltaqa’ ma’ Borg Olivier u ngħidlu xi kelma jew ngħaddilu xi messaġġ.

Id-delegazzjoni tal-Gvern u tal-Partit Nazzjonalista, barra mill-Prim Ministru, kienet magħmula mill-Ministru Giovanni Felice, il-Professur J.J. Cremona, l-Attorney General; Edgar Cuschieri, is-Segretarju Amministrattiv u Dr Victor Ragonesi, is-Segretarju għar-Relazzjonijiet Pubbliċi; il-membri parlamentari l-Avukati G.M. Camilleri, Benny Camilleri u Joseph Cassar Galea u t-Tabib Ċensu Tabone li kien Aġent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Fuq l-istess ajruplan ivvjaġġaw delegazzjonijiet mill-Partit tal-Ħaddiema Nsara, mill-Partit Demokratiku Nazzjonalista u mill-Partit Kostituzzjonali Progressiv.

Il-konferenza dwar l-Indipendenza ta’ Malta tmexxiet minn Duncan Sandys, is-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji. Il-konferenza fetħet b’diskorsi mill-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier u mill-mexxejja tal-partiti fl-Oppożizzjoni: Dom Mintoff bħala Kap tal-Oppożizzjoni; Toni Pellegrini, Kap tal-PĦN; Dr Herbert Ganado, Kap tal-PDN, u Mabel Strickland, Kap tal-PKP.

Jum storiku għal Malta
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Borg Olivier tkellem dwar jum storiku għal Malta li kienet fuq l-għatba li tikseb mill-ġdid is-sovranità tagħha. Hu saħaq li fl-elezzjoni tal-1962 kemm il-PN kif ukoll l-MLP rebħu bejniethom 41 mill-50 siġġu parlamentari, li juri b’mod ċar lill-elettorat li, jekk eletti, jippressaw għall-Indipendenza u għalhekk hu korrett li ngħidu li l-prinċipju tal-Indipendenza ġie aċċettat.

Ġorġ Borg Olivier tenna li l-poplu Malti kien qed iħares lejn era ġdida fl-istorja twila tiegħu. Stqarr li ma kienx iħoss li konna f’salib it-toroq, għaliex kif kien jaraha hu kien hemm biss triq waħda quddiemna u darba qegħdin fuqha ma nistgħux għajr inħarsu ’l quddiem. Hu qal li din iktar kienet il-bidu ta’ triq ġdida milli t-tmiem ta’ waħda qadima.

It-taħditiet intemmu mingħajr ebda ftehim. Għalhekk il-ħolma ta’ Ġorġ Borg Olivier li jikseb l-Indipendenza għal pajjiżna sal-aħħar tal-1963 ma setgħetx tiġi realizzata. Minkejja dan kollu Ġorġ Borg Olivier ma qatax qalbu. Baqa’ jaħdem biex jikseb l-Indipendenza għal pajjiżna.

Possibbiltajiet u problemi
L-1964 bdiet b’possibbiltajiet u problemi. Il-possibilitajiet fit-tarzna li issa kienet f’idejn tajbin u bdiet tħalli riżultati anke b’żieda ta’ ħaddiema; fl-industrija fejn l-azjendi żgħar bdew jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom fil-produzzjoni u fl-impjiegi; fit-turiżmu fejn erba’ lukandi bdew jespandu, fejn twettaq ftehim mal-Hilton għall-bini ta’ lukanda kbira f’Malta, fejn l-aqwa inġinier fil-qasam tal-kostruzzjoni tad-dinja, il-Professur Pier Luigi Nervi, kien se jiddisinja lukanda ta’ 400 sodda f’Tas-Sliema, fejn lukandi kbar u żgħar bdew joffru opportunitajiet; fl-ortikultura, fejn bdew jitwettqu proġetti minn bdiewa, proġetti għall-produzzjoni ta’ ħxejjex friski għal-lukandi li kienu qed jinbnew, ta’ tkabbir ta’ fjuri għall-esportazzjoni.

Fl-istess waqt il-pajjiż kien għaddej minn problemi ta’ impjiegi li kellhom żvog fl-emigrazzjoni li kienet laħqet qrib il-10,000 fis-sena u f’impjiegi fl-Ewropa. Il-problemi li konna qed niffaċċjaw kienu l-impjiegi u l-finanzi.

L-isfida tagħna fl-1964 kienet l-Indipendenza. Kellna Gvern dinamiku ta’ ftit ministri b’numru żgħir ħafna ta’ ħaddiema li kienu qed jaħdmu bħal heda u li kienu qed jiksbu riżultati.

Ir-4 parti tidher għada f’In-Nazzjon