Futbol Sport

Brighton jirkupraw żewġ gowls żvantaġġ

(Ritratt: Premier League)

Southampton tilfu opportunità li jiksbu t-tieni rebħa tal-kampjonat meta kienu milħuqa minn Brighton 2-2 f’logħba li ntlagħbet f’St. Mary’s Stadium. Huma kienu żewġ gowls vantaġġ iżda naqsu li jagħtu ferħa lill-pubbliku tagħhom.

Southampton kienu fetħu l-iskor fil-35 minuta b’xutt fil-baxx fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Pierre Hojberg li ma tax ċans lil Matthew Ryan. It-tim ta’ Mark Hughes saħansitra kiseb vantaġġ doppju fil-65 minuta meta r-referee Anthony Taylor iġġudika fawl fil-kaxxa ta’ Gaetan Bong fuq Danny Ings. Mill-11-il metru l-istess Danny Ings għeleb lil Ryan b’xutt fil-baxx.

Reazzjoni immedjata ta’ Brighton li żewġ minuti wara naqqsu d-distakk meta minn free-kick mil-lemin, id-difensur Shane Duffy żmarka ruħu biex iltaqa’ mal-ballun u għeleb lil Alex McCarthy b’daqqa ta’ ras. Brighton ġabu d-draw fil-91 minuta meta Taylor ordna t-tieni penalty tal-logħba għal fawl ta’ James Ward Prowse fuq Shane Duffy. L-attakkant Glenn Murray inkariga ruħu mill-penalty u għeleb lil McCarthy b’xutt ċentrali fil-baxx.

Southampton kienu kważi kisbu rebħa drammatika meta fit-93 minuta kellhom free-kick viċin il-kaxxa, b’Ryan Bertrand ikun imċaħħad bi bravura minn Matthew Ryan.