Spal komplew bil-bidu pożittiv tagħhom f’dan l-istaġun meta fi Stadio Paolo Mazza għelbu lil Atalanta 2-0. B’hekk Spal kisbu t-tielet rebħa minn erba’ logħbiet, rendiment brillanti għal tim li qed jittama li jżomm postu mal-kbar.
Għal Atalanta kompla l-mument diffiċli tal-bidu tal-istaġun hekk kif wara li kienu eliminati mill-Europa League, għadhom kif kisbu biss erba’ punti minn erba’ logħbiet.
It-tim ta’ Leonardo Sempliċi fetaħ l-iskor fil-50 minuta meta minn free-kick mil-lemin, għola tajjeb id-difensur Felipe li kellu d-daqqa ta’ ras salvata parzjalment minn Pierluigi Gollini, bil-ballun jispiċċa f’saqajn l-eks plejer ANDREA PETAGNA li spara fis-saqaf tax-xibka mir-rebound.
Spal irduppjaw il-vantaġġ sitt minuti wara meta Pasquale Schiattarella ta daqqa ta’ ras ‘l quddiem bil-ballun jispiċċa għand ANDREA PETAGNA li kkontrolla u prova b’xutt fil-kaxxa li ġie mxellef minn Rafael Toloi u bidel id-direzzjoni biex spiċċa għeleb lil Gollini.
//= $special ?>