Ekonomija Lokali

Il-morsa tal-għoli tal-ħajja tkompli tagħfas

Il-prezzijiet f'Malta ferm ogħla mill-medja Ewropea

F’ħames xhur l-inflazzjoni f’Malta – u allura l-piż tal-għoli tal-ħajja – kompla jiżdied xahar wara l-ieħor. Dan kien konfermat mill-ġdid illum permezz ta’ ċifri li ħarġu mill-Eurostat, li hu l-Uffiċċju Ewropea tal-Istatistika.

F’Marzu li għadda, ir-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 1.3%. Sa Awwissu, din ir-rata splodiet għal 2.4% – rata li hi ferm iktar ogħla mill-medja tal-pajjiżi tal-UE u ħafna aktar mill-grupp ta’ pajjiżi fiz-zona Ewro.

Iċ-ċifri jikkonfermaw li l-għoli tal-prezzijiet f’Malta huma ferm akbar mill-prezzijiet fil-Litwanja, Ċipru, l-Italja u l-Polonja, u saħansitra aktar għoljin minn dawk fil-Ġermanja, l-Olanda, l-Iżvezja u d-Danimarka.

Fost l-aktar fatturi li qed jikkontribwixxu għaż-żieda fl-inflazzjoni hemm iż-żidiet fil-prezz tal-ħobż, iż-żieda fil-petrol u d-diesel, u l-piż tal-kirjiet fuq diversi familji.