Kunsilli Lokali Lokali

Il-President u l-Isqof Awżiljarju jingħataw Ġieħ Ħal Balzan

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u l-Isqof Awżiljarju Mons Joseph Galea Curmi ġew ippreżentati bil-premju Ġieħ Ħal Balzan, f’ċerimonja li saret fil-binja l-ġdida tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan.

Is-Sindku ta’ Ħal Balzan Ian Spiteri qal li bħala kunsill lokali ħadmu fil-qrib mal-President Coleiro Preca, u ta’ dan Spiteri rringrazzja lill-President ta’ kemm tagħraf l-importanza u l-ħidma tal-kunsilli lokali.

Huwa qal li l-ħidma kemm tal-President ta’ Malta u kif ukoll il-ħidma tal-Isqof Awżiljarju jmorru lil hinn mill-impatt li ħallew u għadhom iħallu fuq il-Balzanin.

F’diskors qasir waqt iċ-ċerimonja, il-President Coleiro Preca qalet li hi kburija bil-komunità ta’ Ħal Balzan għas-sens kbir ta’ inklużjoni li jinħass fir-raħal, għaliex din hija komunità li fi ħdanha aċċettat diversi ċentri ta’ akkomodazzjoni protetta għal nisa msawta u t-tfal tagħhom, u għar-refuġjati.

Il-President semmiet ukoll li Ħal Balzan serva bħala bażi għal studju mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, bit-titlu ‘Exploring Spaces and Relationships’. Hija qalet li tixtieq li tkompli ssir ħidma mill-qrib bejn il-Fondazzjoni u l-komunità ta’ Ħal Balzan, abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dan l-istudju.