Għat-tieni sena konsekuttiva, il-gowlkiper Matthew Castillo se jkun qed iħalli pajjiżna fix-xhur tax-xitwa biex jilgħab fis-Serbja. Is-sena l-oħra, Castillo kien tħarreġ ma’ Partizan Belgrade u din is-sena se jkun qed jitħarreġ mal-klabb ta’ Vojvodina u jitħarreġ u jilgħab ma’ Dunav fit-Tieni Diviżjoni, klabb li fil-passat lagħbu miegħu plejers bħal Ben Plumpton, Andreas Galea u Matthias Ortoleva.
Il-kuntatt din id-darba sar permezz tal-kowċ ta’ Neptunes Jovan Popovic li ltaqa’ s-sena l-oħra ma’ Castillo meta f’Parizan filwaqt li Popovic kien għadu kowċ ta’ Georgia. Meta wasal f’pajjiżna hu għaraf lil Castillo u kkonferma x-xewqa tiegħu mal-President ta’ Vojovodina biex ikun mal-klabb tiegħu.
Bejn Ottubru u Diċembru tal-2016, Castillo kellu esperjenza barra minn Malta, meta grazzi għal plejer internazzjonali Malti Stevie Camilleri, kien qed jitħarreġ ma’ Ortigia. Matthew Castillo se jħalli Malta l-Ħamis li ġej.
Il-gowlkiper kien ingħaqad ma’ Exiles is-sena l-oħra b’self, u f’Settembru ffirma kuntratt ta’ erba’ snin mal-klabb. Fl-ewwel staġun regolari tiegħu fil-kampjonat Premier, hu għen lil Exiles biex jiksbu l-ħames post b’rekord tal-klabb ta’ 14-il punt, fil-50 sena anniversarju tal-klabb.
Wara l-esperjenza tas-sena l-oħra, kien evidenti l-progress li għamel Castillo hekk kif kien wieħed mill-aqwa plejers ta’ Exiles f’dan l-istaġun. Hu kien il-gowlkiper regolari tat-tim fosthom fir-rebħiet kontra Neptunes u Sliema fejn kien strumentali b’diversi saves.
B’hekk dan jawgura tajjeb biex għax-xitwa li ġejja jkun hemm aktar plejers tal-Waterpolo li jħallu pajjiżna biex jilagħbu f’kampjonati u pajjiżi aktar ta’ livell.
//= $special ?>