Lokali

“Ir-responsabbilta’ tas-sigurta’ ta’ pajjiżna tinsab biss f’idejn il-Prim Ministru” – Adrian Delia

"Il-Prim Ministru qed ifalli bi kbir"

 

“Ir-responsabbilta’ tas-sigurta’ ta’ pajjiżna tinsab biss fuq il-Prim Ministru. Il-Prim Ministru jista’ jdawwar u jispinnja kemm irid, iżda hu l-obbligu tiegħu li jikkontrolla dak li qed jiġri fpajjiżna li jara li Malta terġa ssir post sigur.”

Dan kien il-messaġġ li wassal Adrian Delia f’kummenti li ta lil netnews.com.mt kmieni dalgħodu fid-dawl tal-kummenti li għamel il-Prim Ministru waqt intervista l-Ħadd filgħodu. .

Adrian Delia qal li hu kien dejjem konsistenti dwar l-immigrazzjoni. L-Oppożizzjoni dejjem appoġġat u se tibqa tappoġġja d-deċiżjonijiet tal-Gvern fi kwestjonijiet dwar l-imigrazzjoni meta dawn id-deċiżjonijiet kienu f’osservanza tal-liġijiet internazzjonali. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu dejjem wera dan l-appoġġ kemm fil-parlament Malti kif ukoll barra minn Malta.

Iżda Adrian Delia qal li l-Prim Ministru qed ifalli bil-kbir milli jżomm kontroll ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżna. Filwaqt li qal li ħadd ma jippretendi li Joseph Muscat jikkontrolla min jitlaq mill-Afrika, madankollu huwa l-obbligu u r-responsabilta’ tal-Prim Ministru li jikkontrolla dak li jkun qed jiġri fit-toroq u l-lokalitajiet ta’ pajjiżna.

Adrian Delia kompla jgħid li hija realta’ li hawn anzjani li qed jibżgħu fi djarhom, u tfal li qed li qed jibżgħu joħorġu jilagħbu f’lokalitijiet bħall-Marsa, Birżebbuġa, Ħal Far, Buġibba, il-Mosta, il-Qawra, Ħal Tarxien u San Ġiljan.

Hu qal li sa ftit snin ilu Malta kienet meqjusa bħala wieħed mill-aktar pajjiżi siguri fl-Ewropa, iżda li issa dan m’għadux il-każ hekk kif il-kriminalita’ qegħda kull ma jmur tiżdied.

Hu temm billi saħaq li l-ħarsien tas-sigurta’ f’pajjiżna taqa’ biss fuq il-Prim Ministru, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Kummissarju tal-Pulizija.