Formula 1 Sport

Verstappen mistenni jibda mill-aħħar post fil-Grand Prix tar-Russja

(Ritratt: EPA)

Max Verstappen spiċċa fit-tieni post fil-Grand Prix tal-Ħadd f’Singapore, iżda hu mistenni li jkollu tiġrija diffiċi fir-Russja, hekk kif hu mistenni li jibda mill-aħħar filliera minħabba bdil fil-magna li jfissru penalitajiet.

Il-Prinċipal tat-Tim Christian Horner qal li l-Olandiż probabbli jeqleb għall-magna l-antika wara serje ta’ problemi fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. “Sochi se tkun waħda li rridu ninsewha. Naħseb li probabbilment se nibdew minn wara, imma imbagħad wara għandna xi tiġrijiet tajbin ġejjin, qal Horner.

Hu identifika l-Messiku bħala tiġrija mill-aħħar sitta li Red Bull jistgħu jmorru tajjeb, tiġrija li s-sena l-oħra Verstappen kien ħareġ rebbieħ. Red Bull se jkunu qed jeqilbu għal magni Honda l-istaġun li ġej. Verstappen ilmenta dwar problemi fil-magna tul il-ġimgħa ta’ Singapore iżda rnexxielu jżomm lil Sebastian Vettel warajh wara li ħareġ qabel il-Ġermaniż wara l-pit stop.

“Naħseb li ksibna l-aqwa riżultat bil-problemi li kellna fil-magna. Kont veru kuntent li s-safety car telqet għaliex kont se nieqaf fuq iċ-ċirkwit, anki l-pit stop tiegħi ma kinitx tajba,” qal Verstappen li beda fl-ewwel filliera ma’ Lewis Hamilton.

Hu tkellem dwar il-Grand Prix ta’ Messiku bħala t-tiġrija li jistgħu jkunu tajjeb, iżda qal li l-karozza titlef ħafna fid-dritt u mhux qed jistenna bħas-sena l-oħra iżda saħaq li qatt ma taf x’jista’ jiġri. Verstappen spiċċa fil-ħames post f’Sochi s-sena l-oħra iżda s-sena l-oħra saret f’April minflok fl-aħħar ta’ Settembru.