Lokali

1964: L-aħħar ġirja lejn il-kisba tal-Indipendenza (4)

Kitba ta’ Joe M. Zahra f’In-Nazzjon

Il-Gvern beda jieħu l-ewwel miżuri biex pajjiżna jkun ippreparat darba tinkiseb l-Indipendenza. Il-Maġġur Fredrick Amato Gauci fil-bidu tas-sena ntbagħat għal kors ta’ erba’ xhur fir-Renju Unit u f’Ruma, li kien jinkludi taħriġ f’ħidma diplomatika u konsulari biex meta jirritorna jagħti pariri lill-Prim Ministru dwar it-twaqqif ta’ korp diplomatiku u rappreżentazzjoni diplomatika barra l-pajjiż.

Fredrick Amato Gauci kien l-ewwel Kap tal-Affarijiet Barranin meta Malta kisbet l-Indipendenza. F’Jannar ukoll il-Prim Ministru kiteb lis-Segretarju tal-Istat għall-Commonwealth u l-Kolonji fejn talbu jiddeċiedi dwar kostituzzjoni għal Malta Indipendenti darba ma kienx intlaħaq ftehim bejn il-partiti politiċi Maltin.

Fl-istess xahar ukoll wasal tim ta’ impjegati ċivili mir-Renju Unit biex jiddiskutu abbozz ta’ ftehim ta’ difiża mal-Gvern Malti. It-tim tmexxa minn F.W. Mottershead, Deputat Segretarju fil-Ministeru tad-Difiża Ingliż. Is-‘Sunday Times of Malta’ tat-2 ta’ Frar irrappurtat lid-delegazzjoni Ingliża jsostnu li l-Gvern Malti kien “iebes u negozjatur attent”.

Kollox kien qed jingrana lejn l-akkwist tal-Indipendenza tant li d-Deputat Kmandant Suprem għall-Ewropa, il-Marixxall tal-RAF Sir Thomas Pike meta fit-22 ta’ Jannar kellem lill-ġurnalisti appena wasal

Malta awgura lil Malta kull risq matul is-sena tal-Indipendenza.

Jinħatar Kavallier b’rikonoxximent
Fit-28 ta’ Jannar il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier inħatar Kavallier tal-Gran Croce tal-Ordni ta’ San Silvestru b’rikonoxximent talli mexxa delegazzjoni uffiċjali ta’ Malta fl-okkażjoni tal-inkoronazzjoni tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Pawlu VI. Iċ-ċerimonja tal-ħatra saret fil-Palazz Arċiveskovili.

Niftakar li din l-okkażjoni kont irrappurtajtha jien għall-ġurnal ‘Il-Poplu’ fil-paġna ta’ quddiem u bi stil li għal dak iż-żmien kien wieħed differenti u li qatt ma kont użajt qabel.

Kienet paġna li ħalliet messaġġ pożittiv anki mil-lat ta’ preżentazzjoni. Kienet ukoll okkażjoni li fiha stajt ngħid kelma lil Borg Olivier, li f’dawk iż-żminijiet kien imħabbat ħafna, kien iqatta’ ħafna minn ħinu fil-Berġa ta’ Aragona u kien ferm diffiċli tiltaqa’ miegħu u tkellmu.

Iż-żjarat tal-Prim Ministru f’Londra issa bdew ikunu aktar frekwenti u ma setax ma jkunx hekk meta riedu jsiru taħditiet diretti mas-Segretarju tal-Istat għall-Commonwealth u l-Kolonji u riedu bilfors jittieħdu deċiżjonijiet importanti. Wara żjara li għamel f’Londra fil-bidu ta’ Frar, f’konferenza tal-aħbarijiet li għamel fl-ajruport il-Prim Ministru stqarr li kien f’tiġrija kontra l-ħin biex jassigura li kollox ikun lest biex Malta tikseb l-Indipendenza tagħha qabel il-31 ta’ Mejju.

Il-ħidma biex pajjiżna jikseb l-Indipendenza saħħet lil Borg Olivier. Dan kien qed juri li kien jistħoqqlu l-fiduċja li kien tah il-poplu. Kien qed jaħdem b’għaqal kbir u kapaċità, b’tattika politika, b’diplomazija u moderazzjoni. Kien qed jaħdem b’ħeġġa kbira u bi stamina enormi fuq diversi fronti. Fuq diversi problemi.

L-Ingliżi, li kienu jaħsbu li se jgħajjuh b’laqgħat twal li jkaxkru tul il-lejl, spiċċaw bdew jegħjew huma. Borg Olivier dejjem kellu l-argumenti u ħares biss lejn l-interessi tal-pajjiż u tal-poplu Malti.
Din l-ebusija fit-taħditiet, Ġorġ Borg Olivier għaddieha lill-ministri u kapijiet tad-dipartimenti. L-Ingliżi bdew iqisuna bħala ‘tough bargainers’. Tant li meta ġew Malta r-rappreżentanti tal-British European Airways (BEA) għal diskussjonijiet twal biex ħadna dak li konna qegħdin niġġieldu għalih, qabel telqu dawn qalu li l-Gvern Malti kien ‘tough bargainer’.

L-istess stqarru rappreżentanti tal-Uffiċċju Kolonjali li kienu Malta jiddiskutu t-trattat ta’ difiża. Qabel telqu dawn qalu li l-ministri Maltin kienu ibsin fit-trattattivi.

Laqgħa kbira f’Malta wara taħditiet f’Londra
Fl-aħħar ta’ Frar il-Prim Ministru reġa’ tela’ Londra għal taħditiet. Lura Malta fl-1 ta’ Marzu l-Prim Ministru, filwaqt li ngħata laqgħa kbira minn partitarji Nazzjonalisti, ħabbar li kien għamel proposta biex isir referendum dwar il-kostituzzjoni tal-Indipendenza, kostituzzjoni li kellu jagħżel il-Parlament.

Fit-12 ta’ Marzu l-Prim Ministru reġa’ tela’ Londra għal aktar taħditiet dwar il-kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti. Fil-15 ta’ Marzu ħarġet stqarrija bi sħab bejn is-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji u l-Prim Ministru Malti fejn tħabbar li “Dr Borg Olivier jipproponi li jippreżenta abbozz ta’ kostituzzjoni lill-Assemblea Leġiżlattiva ta’ Malta, u wara li din tiġi approvata mill-Assemblea, titqiegħed quddiem l-elettorat permezz ta’ referendum fejn ikunu mistoqsija: ‘Int tapprova l-kostituzzjoni proposta għall-Indipendenza?’.” Il-Parlament Malti għadda liġi dwar ir-referendum li kellu jsir bejn it-2 u l-4 ta’ Mejju.

Fit-18 ta’ Marzu l-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier irritorna minn Londra u twassal sal-Berġa ta’ Aragona b’carcade, fost entużjażmu kbir, kant, għajjat ta’ approvazzjoni u b’tixjir ta’ palm. Jien kont hemm fis-sala tal-ajruport fejn ta l-konferenza stampa.

L-għada d-19 ta’ Marzu, missjoni ekonomika tal-Gvern telqet lejn Londra għal taħditiet ekonomiċi u finanzjarji. Ngħid il-verità ma tantx kont fiduċjuż mill-eżitu tar-referendum u għalhekk ma tantx kont kuntent bid-deċiżjoni li jsir.

“Issa tara kif nirbħu!”
Nammetti li kont qed nibża’ mir-referendum minħabba l-qagħda ekonomika prekarja fil-pajjiż, minħabba n-nuqqas ta’ xogħol u l-emigrazzjoni għolja li kollha kienu jeffettwaw id-deċiżjoni tal-poplu. Borg Olivier jidher li induna. L-għada li wasal Malta ċempilli Effie Gatt, is-Segretarju Privat tal-Prim Ministru. Qalli li l-Prim Ministru ried ikellimni u staqsieni jekk stajtx immur il-Berġa ta’ Aragona dakinhar filgħaxija. Jien irrispondejt fl-affermattiv u dakinhar filgħaxija mort l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

B’dik is-soltu tbissima fuq wiċċu, Ġorġ Borg Olivier staqsieni għaliex ma tantx dhert kuntent bit-tħabbira tar-referendum. Weġibtu li xejn ma kont fiduċjuż minn riżultat favorevoli. Borg Olivier qalli li hu kellu fiduċja sħiħa fil-poplu u kien ċert li darba jiġi spjegat sew xi jfisser vot għall-Kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti, il-poplu jikkonkorri u jivvota IVA. Qalli li kien iżda jeħtieġ l-għajnuna ta’ kulħadd. Dar lejja u talabni biex tul il-kampanja tar-referendum nieħu ħsieb ‘Il-Poplu’ jien.

Xtaq li ‘Il-Poplu’ joħroġ tliet darbiet fil-ġimgħa flok id-darba li kien qed joħroġ u li jkun hemm mhux biss aħbarijiet lokali iżda anke aħbarijiet barranin. Jien weġibt mill-ewwel fl-affermattiv. Borg Olivier deher kuntent u qalli: “Int mhux soltu taqta’ qalbek. Issa tara kif nirbħu!”.

Il-5 parti tidher f’In-Nazzjon ta’ għada