Id-Dipartiment tad-Dwana t-Tnejn filgħaxija wettaq l-akbar sejba tad-droga fl-istorja tagħha, kemm fil-kwantità kif ukoll fil-valur li nstabet f’pajjiżna. Dan hekk kif waqt spezzjoni li kienet qed issir fuq erba’ kontejners fil-Port Ħieles instabet bejn l-10 u 11-il tunnellata droga li fi tlieta minnhom ingħad li hemm bramel ta’ trab tal-ħasil tal-platti, u f’kontejner ieħor kien iddikjarat li fih blow-torches.
Il-kontejners fil-Freeport waslu mis-Sirja u kienu fi triqthom għal-Libja. L-uffiċjali tad-dwana sabu d-droga waqt spezzjoni li kienu qed jagħmlu fuq il-kontejners bl-użu tal-iscanners ġodda li għandhom teknoloġija aktar avvanzata. Bil-każ ġiet infurmata l-pulizija, b’uffiċjali forensiċi bdew janalizzaw id-droga.
Mill-analiżi li saret s’issa, il-valur tad-droga fis-suq hu ta’ 28.5 miljun Ewro.
Intant l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>