Hekk kif nhar il-Ħamis mistennija tittieħed id-deċiżjoni dwar il-proġett tal-iżvilupp ta-torrijiet f’Pembroke, waqt konferenza tal-aħbarijiet komplew ħerġin aktar appelli biex il-permess għal dan il-proġett ma jingħatax. Il-kampanja Tidfnuniex Ħajjin ilha għaddejja għal bosta xhur fejn ġie spjegat ħafna drabi l-effett negattiv li dan il-proġett se jkollu fuq ir-residenti u fuq l-ambjent.
Il-konferenza tal-aħbarijiet saret ħdejn il-bini tal-Awtorita’ tal-Ippjanar fil-Floriana u kienet indirizzata minn rappreżentant tal-Moviment Graffiti, mis-sindki ta’ San Ġiljan, Pembroke u Swieqi, rappreżentanti tar-residenti kif ukoll rappreżentanti ta’ ħdax-il organizzazzjoni mhux governattiva.
Dawn l-appelli kienu immirati l-aktar kontra d-daqs tal-proġett li se jagħlaq ħafna aktar il-ftuħ fil-Bajja ta’ San Ġorġ li parti minnha qed ikun propost li saħansitra tkun privatizzata, kif ukoll iż-żieda fit-traffiku li issa l-influss tiegħu se jimblokka dejjem aktar Triq Reġjonali. Dan meta wieħed ma jistax jinsa li fl-istess żona hemm madwar tliet proġetti oħra li sa issa għadhom mhux qed jilqgħu residenti.
Il-kelliema kollha fakkru li sa issa ma jeżistix Master Plan u allura l-impatt ta’ dan il-proġett ma jista’ qatt ikun evalwat kif suppost. Issemma ukoll il-fatt li għal dan il-proġett kien hemm mal-erbat elef u ħames mitt oġġezzjoni.
Id-deċiżjoni dwar dan il-proġett ser tittieħed nhar il-Ħamis waqt laqgħa pubblika li ser issir fil-Liċeo tal-Ħamrun fl-għaxra ta’ filgħodu.
//= $special ?>