Minn dan l-istaġun se jkun hemm il-possibbiltà li jkun hemm tliet plejers barranin fil-court fl-istess ħin hekk kif il-Malta Basketball Association se tagħmel esperiment bl-għan li l-livell tal-plejers Maltin jogħla. Fis-snin passati kien hemm l-introduzzjoni ta’ dak li jissejjaħ barrani lokali li jkun plejer barrani li jaħdem f’pajjiżna u jilgħab il-basketball. Permezz ta’ din ir-regola ġdida, mhux se jkun hemm distinzjonijiet fil-barranin.
Il-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana qal li bħalissa hemm nuqqas ta’ plejers Maltin bejn l-età ta’ 27 u 35 sena u dan qed iwassal biex diversi żgħażagħ ma jkollhomx biżżejjed esperjenza biex jilagħbu f’dan il-livell. Bl-għan li l-plejers żgħażagħ jitilgħu pass pass fil-logħba, reġa’ nħoloq il-kampjonat ta’ taħt it-23 sena fejn b’kollox se jkun hemm ħames timijiet. Dawn huma Depiro, Luxol, Starlites, Hibernians u Gżira Athleta.
B’hekk dawn il-plejers se jkollhom l-opportunità li wara l-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena, jilagħbu f’kampjonat ieħor qabel jilagħbu mal-kbar. Barra minn hekk dawn iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jilagħbu fiż-żewġ kampjonati. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-plejers barranin li jekk ikun hemm plejer reġistrat fil-kampjonat ta’ taħt it-23 sena, ma jistax jilgħab fil-kampjonat tal-kbar u bil-kontra.
Il-klabbs lokali se jkollhom il-possibbiltà li jirreġistraw barranin kemm iridu iżda fil-court ikun hemm tlieta biss. Dan ifisser li jekk klabb ikollu ħames barranin fit-tim, tnejn minnhom se jkunu fuq il-bank u jibdlu ma’ barrani ieħor, bil-konsegwenza li jekk ma jkollhomx biżżejjed plejers Maltin u xi ħadd jispiċċa fouled-out, jilagħbu b’anqas plejers.
Paul Sultana qal li din il-bidla qed issir biex jiżdiedu l-klabbs u jgħinu l-plejers Maltin jitjiebu għaliex ikunu qed jieħdu esperjenza minn plejers barranin aħjar minnhom. Sultana żied li jekk jara li matul l-istaġun it-timijiet jibdew iġibu tliet plejers professjonali, l-assoċjazzjoni tagħmel dak li tista’ biex din ir-regola tinbidel, deċiżjoni li finalment tiġi deċiża mill-klabbs, bl-MBA għandha 30% tal-vot.
Tnaqqis ta’ timijiet fil-kampjonat tan-nisa
Jekk il-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni żdiedu minn ħamsa għal sebgħa wara l-introduzzjoni ta’ Balkan Fusion u r-ritorn ta’ Floriana, mhux l-istess jista’ jingħaqad għall-Kampjonat tan-nisa li niżel għal erba’ timijiet. Il-President tal-MBA esprima d-diżappunt tiegħu li Gżira Athleta sfaxxaw fejn qies din it-telfa bħala “disfatta kbira”, iżda saħaq li kienet barra mill-kontroll tal-MBA.
Preżenti wkoll kien hemm l-Uffiċjal Kap tal-BOV Peter Perotti għamel aċċenn għas-suċċess li kellhom it-timijiet nazzjonali matul is-sajf u qal li dan ma jseħħx b’kumbinazzjoni. Perotti għamel appell lill-awtoritajiet u l-privat biex jikkonċentraw fuq sport minuri u jgħinu lill-klabbs filwaqt li l-ġenituri jressqu t-tfal tagħhom lejn il-basketball.
Intant bejn fid-29 u t-30 ta’ Settembru se jsir tournament tal-Masters li se jinvolvi seba’ timijiet, bi tliet timijiet minnhom se jkunu Maltin. Dan it-tournament se jilagħbu plejers fuq l-40 sena, bl-għan ikun li jinġabru donazzjonijiet għal Puttinu Cares.
Waqt il-konferenza stampa telgħu wkoll il-poloz tan-knock-out taż-żewġ diviżjonijiet.
KO tal-Ewwel Diviżjoni
Kwarti tal-finali
27 ta’ Jannar 2019
Balkan Fusion v Athleta 12.45pm
Depiro v BUPA Luxol 2.30pm
Floriana v Starlites 4.15pm
Amateur League
Kwarti tal-finali
25 ta’ Jannar 2019
Athleta v Siġġiewi 7.30pm
Semifinali
22 ta’ Frar 2019
Ath/Siġġ v Starlites 6.15pm
Victoria L. v Depiro 8.00pm
//= $special ?>