Lokali

FILMAT: “Nibqgħu nemmnu fiż-żgħażagħ għax huma l-futur ta’ pajjiżna” – Adrian Delia

“Għandna l-fiduċja sħiħa li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin jistgħu joħolqu soċjetà li jimpurtaha, b’opportunitajiet kemm għalihom u għall-oħrajn. Irridu li ż-żgħażagħ jipparteċipaw fl-iżvilupp tas-soċjetà li tħares il-ħajja, l-opportunitajiet indaqs u l-ambjent naturali’, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta wieġeb għal mistoqsijiet li sarulu miż-żgħażagħ mill-villaġġ tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Floriana.

Iż-żgħażagħ huma l-enerġija ta’ nazzjon, il-futur tas-soċjetà, u dan il-futur għandu jinbena fuq soċjetà li jimpurtaha.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista kien il-Gvern li fetaħ beraħ l-edukazzjoni għaż-żgħażagħ meta neħħa n-numerus claususmill-Università, u ħoloq opportunitajiet ta’ xogħol għall-futur u mhux cheap labour, kif qed jagħmel jagħmel il-Gvern Laburista. Din il-politika taċ-cheap labourtal-Gvern ġiet ikkonfermata wkoll minn bint il-Perit Dom Mintoff, Yana Mintoff. Il-Kap tal-PN qal minflok il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ juri fiduċja fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, li urew li għandhom l-abbilità li jmorru madwar id-dinja u jiksbu suċċess.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fiż-żgħażagħ għaliex huma l-futur tal-pajjiż mil-lum, u li jistgħu jagħmlu d-differenza permezz tal-enerġija tagħhom. Huwa qal li għalhekk il-Partit Nazzjonalista naqqas it-tesserament fil-partit għal 14-il sena, nieda l-fergħa ġdida Team Start għaż-żgħażagħ bejn l-14 u t-18 il-sena u issa se jkun qed iniedu wkoll il-kors ta’ formazzjoni politika Future Leaders flimkien mal-AŻAD, għaż-żgħażagħ kollha li għandhom interess fil-politika. Adrian Delia qal li issa li ż-żgħażagħ jivvutaw ta’ 16-il sena irridu naraw jekk hemmx drittijiet oħra li jistgħu jingħatawlhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandu zero tolerancelejn il-korruzzjoni u li mhux se jaħsibha darbtejn sabiex ikeċċi lil min bil-provi jinqabad li għandu strutturi ta’ kumpaniji fil-Panama. Adrian Delia qal li hemm bżonn li nnaddfu l-pajjiż mill-korruzzjoni, li sabet l-appoġġ tal-Gvern fl-ogħla livell, dan għaliex il-korruzija tnaqqar lis-soċjetà u therri l-fibra soċjali. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fid-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni u li kien għalhekk li fetaħ rikors Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali, għaliex qed jibqa’ jwaqqfu milli jaqdi dmirijietu skont il-Kostituzzjoni meta ma jagħtihx kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja.

Il-kap spjega kif l-Avukat Ġenerali ma riedx li din il-kawża tinstema’ b’urġenza, ma riedx li l-kawża tinstema’ sħiħa u ma riedx li jixhed. Il-Qorti iżda tat raġun lil Adrian Delia u ordnat lill-Avukat Ġenerali biex jixhed fil-kawża. Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista ħataf l-istituzzjonijiet kollha, mill-Kummissarju tal-Pulizija sal-Avukat Ġenerali u għalhekk se jibqa’ jiġġieled għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-ħarsien tas-saltna tad-dritt.

Għall-bosta mistoqsijiet li sarulu taż-żgħażagħ, Adrian Delia wieġeb fuq l-abort u qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-valur tal-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha. Dan meta għall-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jaħseb li tmien ċelloli mhix ħajja umana. Huwa qal li filwaqt li nipproteġu l-ħajja rridu wkoll naraw li nħarsu lil min hu batut u lid-dgħajfin. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll fuq l-komunità LGBTIQ u qal jrid soċjetà fejn titneħħa totalment l-istigma u l-intolleranza, fejn persuni ma jħossuhom aktar skomdi bl-orjentazzjoni sesswali tagħhom, u fejn ħadd aktar ma jħossu mwarrab.