Il-Bord tal-Guardian of Future Generations esprima opinjoni mhux favorevoli għall-proġett li hemm pjanat fuq l-art tal-ITS – proġett li l-vot dwaru se jittieħed din il-ġimgħa.
Fi stqarrija maħruġa miċ-Chairperson tal-Bord, l-imprenditur Maurice Mizzi, intqal li l-iżvilupp fuq din l-art f’Pembroke se jkun qed isir fid-dawl li m’hemmx masterplan għaz-zona. “Din hi materja gravi li tfixkel il-proċess rigoruż li għandu jitħaddem f’kull livell meta tiġi evalwata applikazzjoni għal żvilupp”.
Il-Bord esprima ukoll tħassib dwar il-fatt li qed naraw żviluppi kbar ta’ bini high rise, u donnu xorta bqajna mingħajr policy serja f’dan ir-rigward. “Mhux qed issir analiżi dwar kemm dawn il-proġetti huma sostenibbli għal Malta tal-lum u tal-futur”, kompliet tgħid l-istqarrija.
Iċ-chairman appella sabiex kull deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet tħares il-kwalita’ ta’ ħajja tar-residenti.
//= $special ?>